L-ewwel nies li se jħossu d-differenza fil-livell tal-għixien tagħhom se jkunu l-anzjani li se jibdew is-sena b’żieda sostanzjali fil-penzjonijiet. Dan sostnieh il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-miżuri tal-budget li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ mill-ewwel jum tas-sena l-ġdida.
Il-Prim Ministru stqarr: “Jien naħseb li l-aktar li se tħalli effett hija ż-żieda fil-pensjonijiet. Żieda bla preċedent, l-akbar waħda ta’ kull żmien mit-tmenijiet ‘l hawn. Żgur fil-ġimgħa li hemmhekk il-pensjonanti mal-ewwel se jħossu d-differenza fil-livell tal-għixien tagħhom.”
Il-Prim Ministru Muscat tkellem ukoll dwar dak li se jkun qed Isib taħt rasu l-Prim Ministru l-ġdid. Dr Muscat sostna: “Jien kburi li se nħalli Prim Ministru Laburista li se jkun l-ewwel Prim Ministru Laburista li minflok dejn se jsib xi ħaġa taħt rasu u jien kburi li dan se nħallih lil Prim Ministru Laburista u mhux Prim Ministru Nazzjonalista għax Prim Ministru Laburista se jieħu ħsiebhom u Prim Ministru ta’ Partit Nazzjonalista dejjem raw kif il-flus, experts biex jonfquhom sfortunatament ma nefquhomx tajjeb.”
Meta kien mistoqsi dwar il-qtugħ fl-elettriku l-Prim Ministru spjega bl-aktar mod ċar ta’ dak li ġara. Fisser li kieku m’hemmx il-power station il-ġdida u żammejna biss l-interconnector dan kien ifisser li waqt li qegħdin b’din il-problema u l-ħin li nieħdu biex insewwuwha nkunu mingħajr dawl.
Il-Prim Ministru qal: “Immaġna ma kellniex dan il-powerstation, għandna l-interconnector biss u l-interconnector nafu li hemm problema. Taf xi jfisser dan kollu? Li ilna 3 ġimgħat bla dawl. jew 3 ġimgħat, maximum, l-aħjar ħaġa li nistgħu nimmaġinaw bil-powerstation tal-Marsa l-antika tagħti full blast. Għax kieku ma nistgħux inlaħħqu. Dik hija l-verità jiġifieri bħalissa jew bla dawl, u mhux jinqagħta siegħa ta’ jew sagħtejn. Il-ħin kollu.”