Is-smewwiet imsaħħba tal-lum mistennija jiċċaraw sa għada sabiex is-sena 2020 tibda fuq nota pjuttost imdawla. L-Uffiċċju Meteoroloġiku, fil-fatt, qed ibassar li l-ewwel jum tas-sena l-ġdida ser ikun fil-biċċa l-kbira xemxi u mingħajr xita.
Barra minn hekk, ir-riħ pjuttost qawwi li qed jonfoħ illum mistenni jbatti sabiex ilbidu tal-ewwel jum tas-sena jkun aktar kalm u kkaratterizzat minn riħ ħafif għal moderat mid-direzzjoni tal-Majjistral it-Tramuntana, li mistenni jsir moderat għal qawwi matul il-jum.
It-temp kiesaħ li ħakem il-gżejjer Maltin dan l-aħħar, u li ser jippersisti anki fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida, huwa kkawżat minn arja kiesħa nieżla mir-Russja b’riżultat ta’ antiċiklun li qed jgħatti ħafna mill-kontinent tal-Ewropa.
Bejn illum u t-tieni jum ta’ Jannar, it-temperatura tal-arja mistennija tilħaq massimu ta’ 15°C u titbaxxa għal 7°C. Din it-temperatura minima mbagħad mistennija tiżdied b’żewġ gradi sa tmiem il-ġimgħa.
B’dawn it-temperaturi mbassrin għall-aħħar tas-sena, l-2019 ser tispiċċa fuq nota kiesħa. Madankollu, l-aħħar jum tas-sena 2014 jibqa’ l-aktar wieħed kiesaħ firrekords meteoroloġiċi, hekk kif it-temperatura tal-arja niżlet għal 2.1°C u s-sena 2015 bdiet b’kesħa xxoqq il-għadam.
Għal aktar aġġornamenti mill-Uffiċċju Meteoroloġiku, tista’ żżur https://www.maltairport.com/weather.