Eluf kbar ta’ Maltin bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd qasmu lejn Għawdex f’dak li x’aktarx kien fost l-aktar tmiem il-ġimgħa impenjattiv għall-kumpanija Gozo Channel.
Sa minn kmieni l-Ħadd filgħodu, l-esodu tal-Maltin lejn Għawdex ħoloq ħafna xogħol għall-vapuri tant li l-kumpanija bdiet tħaddem ukoll bla waqfien ir-raba’ vapur li ssieħeb fil-flotta tagħha fl-aħħar xhur. F’ħinijiet minnhom inġema’ serbut twil ta’ karozzi mll-Marfa sal-port tal-Ċirkewwa.
F’kummenti ma’ ONE News, il-President tal-Assoċjazzjoni turistika ta’ Għawdex, Joe Muscat qal li minkejja l-kesħa xxoqq il-għadam li laqtet il-gżejjer Maltin, l-aħħar tmiem il-ġimgħa tas-sena ġibed folol kbar lejn Għawdex u mistenni jkompli jilqa’ aktar nies bejn it-Tnejn u t-Tlieta għall-attivitajiet li qegħdin jittellgħu b’rabta mal-lejlet l-Ewwel tas-Sena.
Qal li għas-settur turistiku f’Għawdex, il-perjodu tal-Milied, sar importanti ħafna u mistenni mill-operaturi turistiċi Għawdxin. Dan għax hija ġimgħa ta’ attivitajiet li fiha jkun hemm ħafna xogħol li jiggwadanjaw tajjeb minnu.
Is-Sur Muscat stqarr: “Il-weekend li għadu kif għadda, f’Għawdex kien irrapportat numru kbir ta’ nies li qasmu bejn il-gżejjer li dawn komplew joħolqu l-attività turistika fil-gżira Għawdxija.”
Qal li t-temp ukoll għen u ppermetta biex tiżdied l-attività ekonomika f’Għawdex. Is-Sur Muscat sostna: “L-istabbilimenti Għawdxin irrapportaw ukoll li kellhom business tajjeb kemm fil-weekend li għadda, kif ukoll jidher li lejlet l-aħħar tas-sena u l-bidu tas-sena l-ġdida l-istabbilimenti turistiċi Għawdxin, b’mod partikolari dawk li joffru akkomodazzjoni qegħdin jirrapportaw li għandhom perjodu busy wkoll.”
Is-Sur Muscat qak li għalkemm kif mistenni n-numri mhumiex daqs tas-sajf, huma numri tajbin għall-perjodu tax-xitwa. Huwa temm jgħid: “Qed nitkellmu wkoll fuq perjodu li jkun hemm konċentrazzjoni tas-suq domestiku iktar milli tas-suq barrani, għalkemm is-suq barrani wkoll qiegħed ifittex lil Għawdex għal dan iż-żmien tal-Milied għax il-kampanji li qegħdin isiru l-attivitajiet li qed jiġu organizzati f’Għawdex irnexxielna npinġu lil Għawdex bħala gżira tal-Milied u qed issir promozzjoni barra b’mod speċjali tal-attrazzjoni ta’ Betlem f’Għajnsielem biex inġibu turisti f’Għawdex f’dan il-perjodu li huwa pjuttost diffiċli f’dan l-istaġun tax-xitwa.”