Il-Belt Valletta tinsab lesta biex fi ftit sigħat oħra ssellem lis-sena 2019 u tilqa’ s-sena l-ġdida. Dan f’ċelebrazzjoni kbira li se ssir fil-beraħ lejlet l-ewwel tas-sena fi Pjazza San Ġorġ – appuntament annwali li sar wieħed mill-iktar avvenimenti mfittxija mill-Maltin biex jiċċeleberaw il-bidu ta’ sena ġdida.
Mistiedna speċjali għal din is-serata ser ikun hemm il-band lokali ‘The Travellers’, l-artisti Kevin Paul Calleja u ħuh Kurt Calleja, Gaia Cauchi u numru ta’ DJs rinomati lokali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja Kultura Owen Bonnici qal li dan l-avveniment huwa importanti għax jgħaqqad il-Maltin flimkien biex jiċċelebraw is-sena l-ġdida.
Dr Bonnici stqarr: “Kuntent ħafna li aħna qed ngħinu l-artisti mhux biss billi nagħtuhom għajnuniet finanzjarji imma wkoll noħolqu opportunitajiet fejn nuru t-talenti tagħhom quddiem folol kbar flimkien ma’ kantanti li huma tajbin ħafna u rinomati.”
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Jason Micallef qal li l-avveiment se jibda għall-ħabta tat-tmienja bil-qofol jinltaħaq għall-ħabta ta’ 11:40 p.m. meta bil-mod il-minutiera tal-arloġġ tibda tqarreb għal count down jew aħħar l-aħħar 10 sekondi tas-sena.
Is-Sur Micallef qal li filwaqt li dan l-avveniment huwa parti mil-legat ta’ Valletta 2018, dan se jiftaħ sena mimlija avvenimenti kulturali fil-Belt Kapitali ta’ pajjiżna. Huwa stqarr: “Nemmnu ħafna fil-potenzjal tal-Belt Valletta li issa laħqet il-quċċata u konvinti u pożittivi ħafna li nżommu fil-quċċata. Ser tkun din l-isfida tagħna għas-sena d-dieħla, fil-Belt Valletta, flimkien ukoll ma’ proġetti infrastrutturali kbar, b’mod speċjali fin-naħa ta’ isfel tal-Belt Valletta. Proġett li jiswa madwar għaxar miljun ewro, li ser ikun inawgurat f’nofs is-sena d-dieħla, fin-naħa ta’ isfel tal-Belt Valletta bħala l-‘Valletta Design Cluster’.”
Is-Sindku tal-Belt, Alfred Zammit appella biex anke waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ikunu rrispettati r-residenti tal-Belt filwaqt li s-sewwieqa jsegwu r-regoli tal-parkeġġ. Spjega kif din is-sena hemm arranġamenti speċjali għat-trasport pubbliku biex il-pubbliku jkun jista’ jidħol il-Belt b’aktar faċilità.
Is-Sur Zammit qal: “Trasport pubbliku rranġajna, għamilna arranġamenti speċjali mal-Malta Public Transport. Is-servizz bil-karozzi tal-linja ser jibqa’ sas-sagħtejn ta’ filgħodu għal Malta kollha.”
Dan filwaqt li s-servizz tal-laneċ li joffru trasport bejn Marsamxett u l-Kottonera għall-Belt ukoll se jkomplu joffru s-servizz sas-sagħtejn ta’ filgħodu jekk il-baħar jippermetti.