B’xi mod jew ieħor kulħadd gawda u qiegħed igawdi mill-ġid ekonomiku li ħoloq Gvern Laburista, u għalkemm dan huwa importanti, irridu nieħdu ħsieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Din se tkun waħda mill-prioritajiet ta’ Chris Fearne jekk jingħata l-fiduċja biex imexxi lill-Partit Laburista u lill-pajjiż, fost l-oħrajn billi jaħdem biex jissalvagwardja n-namra u d-delizzju.
Dr Fearne stqarr: “Irrid nara li s-soċjetajiet tal-bliet u l-irħula tagħna, tal-banda u tal-festi, ikollhom l-ispazju u l-appoġġ tal-Gvern biex ikomplu jikbru, jiżviluppaw ħalli din il-parti tal-ħajja kulturali Maltija tkompli tikber. Bħalma rrid nara l-għaqdiet volontarji jkollhom l-ispazji fejn jesebixxu t-talenti tagħhom u wkoll li n-namra antika tradizzjonali tal-kaċċa u tal-insib tkompli tikber b’mod sostenibbli biex b’hekk kulħadd fil-parametri tal-liġijiet u r-regolamenti, ikollu l-ħin tiegħu.”
F’laqgħa li kellu ma’ delegazzjoni tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, Chris Fearne sema’ u ddiskuta numru ta’ sitwazzjonijiet li jirrigwardjaw il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.
Fosthom il-kaċċa fir-rebbiegħa tas-summien u l-gamiem, l-istaġun tal-insib anki tal-għasafar tal-għana, u s-sistema preżenti tal-multi u l-pieni.
Filwaqt li faħħar ix-xogħol tal-FKNK, Chris Fearne tenna l-impenn tiegħu li jaħdem mal-Federazzjoni mill-qrib biex id-delizzju ta’ tant eluf ta’ Maltin jibqa’ ħaj b’mod sostenibbli u fil-parametri tal-liġijiet.