Fi żmien ta’ festi l-wasla tal-pustier dejjem tkun waħda li ġġib magħha ferħ jew inkella serħan il-moħħ.
Min tasallu xi kartolina u min forsi jserraħ rasu għax jaslulu r-rigali li jkun xtara lill-għeżież tiegħu qabel il-Milied.
Għalhekk f’daż-żminijiet l-irwol tal-pustier huwa kruċjali għal ħafna.
ONE News żar l-uffiċċini tal-posta f’dawn iż-żminijiet ta’ festi sabiex isegwi l-andament tax-xogħol.
Hemm hekk rajna attività ma taqta’ xejn, kulħadd fuq xogħlu, mhedi jorganizza l-ittri u l-pakketti, lesti biex jitqassmu fid-djar.
“Bħala proċess fi żmien il-Milied ma jinbidilx b’paragun matul is-sena. Peró l-volumi jiżdiedu ħafna. Il-pakketti kważi jirduppjaw“, stqarr Adrian Vassallo, l-uffiċjal operattiv fi ħdan l-uffiċċju tal-posta.
Il-Kap tal-Operazzjonijiet tal-Malta Post qal ukoll kif riżultat tal-iżvilupp fit-teknoloġija, naqas it-tqassim tal-kartolini tal-Milied.
“Ikkumparat mas-snin ta’ qabel il-cards naqsu ħafna u aħna xorta ntuhom importanza u nippruvaw inqassmuhom l-għada li jiġu mpustati biex in-nies jirċevuhom meta suppost“, kompla jgħid Vassallo.
Kirsten Portelli, li kull filgħodu jieħu ħsieb it-tqassim tal-ittri mill-pustiera spjega l-proċess ta’ kif jitqassmu l-ittri.
“Qiegħed jissortja ħafna pakketti li jiġu kif issa jispiċċa milli jissortja kollox imur fuq il-beat tiegħu. Dan eżempju ħa jmur fuq il-Ħamrun. Illum qiegħed stazzjonat il-Ħamrun. Kull pustier ikun fi żmien il-Milied stazzjonat fuq id-distrett tiegħu. Imur iqassam ir-rotta tiegħu jiġifieri imma anke bħala ħin idum iktar mis-soltu“, temm jgħid Portelli.
Intant għal festi ta’ din is-sena Malta Post nedew ukoll filmat f’waqtu li jitfa’ dawl fuq is-solitudni fi żmien il-Milied.