Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-parkeġġ fl-Isptar Mater Dei se jkun bla ħlas għal kulħadd.
Chris Fearne qal li minn Marzu li ġej, dawk li jkollhom appuntament l-isptar se jmorru moħħhom mistrieħ li m’għandhomx għalfejn iħallsu talli jmorru bil-karozza. Xi ħaġa li se jgawdu minnha eluf ta’ pazjenti, hekk kif id-Dipartiment tal-Outpatients joħroġ aktar minn ħames mitt elf appuntament kull sena.
“Minn Marzu li ġej, il-parking ġewwa Mater Dei ħa jkun mingħajr ħlas. Ħa nibdew filgħodu fil-ħinijiet tal-outpatients, il-parking ikun mingħajr ħlas, u l-parti tal-Emerġenza erbgħa u għoxrin siegħa, imbagħad eventwalment indaħħluh mingħajr ħlas anki għall-viżitaturi biex sal-aħħar tas-sena, il-parking kollu f’Mater Dei ikun mingħajr ħlas.” Saħaq id-Deputat Prim Ministru.
Meta ġie intervistat bħala kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista, Chris Fearne qal li jekk jingħata l-fiduċja, is-settur tas-saħħa se jibqa’ jingħata priorità bħalma kien fl-aħħar snin taħt it-tmexxija tiegħu bħala Ministru tas-Saħħa.
Qal li msejjes fuq il-valur ta’ ġustizzja soċjali, diġà sar ħafna xogħol biex minn settur b’listi ta’ stennija, mediċini out-of-stock u sodod fil-kurituri, inbidel f’qasam ta’ proġetti innovattivi bħar-robotika, u mediċini b’xejn, u hekk se jibqa’ jsir.