Samuel Azzopardi, is-Sindku tar-Rabat li nstab ħati li saq xurban, qed jinsisti li jbiddel il-Maġistrat f’kawża ta’ libell li fetaħ kontra l-Ministru Anton Refalo. Wara li t-talba tiegħu kienet miċħuda, issa fetaħ każ fejn qed jilmenta li bil-fatt li l-kawża tiegħu kienet assenjata lil Joanne Vella Cuschieri inkisirlu d-dritt fundamentali tiegħu.
Dan għax fil-passat Vella Cuschieri kienet kandidat tal-Partit Laburista. Peró meta saret l-ewwel talba fil-Qorti, l-avukat tiegħu, Jason Azzopardi għamilha ċara li ma kienx ikollu diffikulta bil-Maġistrat Paul Coppini, eks kandidat Nazzjonalista.
L-aġir tal-avukat Jason Azzopardi, li nzerta huwa wkoll il-kelliem tal-ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista, qed iqajjem ħafna mistoqsijiet fil-kurituri tal-Qorti.
Anke għax diġa’ hemm sentenzi li tkellmu b’mod ċar dwar ċirkostansi simili.
Ilbieraħ il-gazzetta KullĦadd irrapportat kif Imħallef irtirat ta’ ċertu esperjenza qal mal-gazzetta li l-mod kif fl-aħħar ġimgħat ipprova juża l-politika biex jinfluwenza għażla ta’ ġudikant ħassbet mhux ftit esponenti fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Iżda, iktar minn hekk, hemm sentenzi tal-Qorti li jġibu fix-xejn l-argumenti legali ta’ Jason Azzopardi.
F’sentenza f’każ ieħor fejn saret talba simili l-Imħallef Mark Chetcuti nnota wkoll kif il-ġudikant hu għal kollox estranju għall-mekkaniżmu li bih kawża tkun assenjata. Il-Qorti kienet fakkret ukoll kif ġudikant għandu responsabbiltà akbar u b’obbligu solenni li għalih ikkommetta ruħu b’ġurament, ipoġġi fil-ġenb kull opinjoni jew fehma personali biex b’kuraġġ, b’saħħa u b’kuxjenza safja jqis li ssir ġustizzja sa fejn tippermettilu l-liġi.