Erba’ persuni barranin ingħataw sentenza ta’ sitt xhur ħabs filwaqt li tnejn oħra ngħataw sentenza ta’ tliet xhur ħabs wara li ammettew li għamlu użu minn passaport ta’ persuni oħra jew passaport falz.
Il-Pulizija arrestat lill-ewwel żewġ persuni meta uffiċjali fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Dicembru filgħodu rrappurtaw li żewġ Eġizzjani kienu se jitilqu minn Malta b’passaport falz. Montaser u Buree Bouroe ta’ 26 ingħataw sentenza ta’ sitt xhur ħabs kull wieħed. It-tnejn amettew l-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Ġimgħa filgħaxija l-Pulizija arrestaw erba’ persuni oħra li kienu se jitilqu minn Malta b’passaport ta’ persuna oħra jew falz.
Mohammed Mousa Dris ta’ 19-il sena miċ-Chad u Osman Badreddin ta’ 24 sena mis-Sudan ingħataw 6 xhur habs, filwaqt li Mohammed Adin Hassan ta’ 16-il sena u Masab Gidi Kin ta’ 17-il sena it-tnejn miċ-Chad ingħataw 3 xhur ħabs minħabba li huma taħt l-età ta’ 18-il sena. Huma wkoll ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.
L-Avukat tal-għajnuna Legali Dr Martin Fenech deher għall-akkużati. Il-Prosekuzzjoni kienet imexxija mill-Ispettur Lara Butters.
Is-seduta kienet ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.