Rapport tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea juri li bejn l-2012 u s-sena l-oħra, Malta rreġistrat l-ikbar żieda ta’ health care assistants fl-isptarijiet Maltin u Għawdxin. Ir-rapport tal-Eurostat juri li matul dan il-perjodu, l-ikbar żieda ġiet irreġistrata f’Malta kemm f’termini relattivi u anke assoluti.
Jgħid li matul l-2017 kien hemm 253 health care assistants aktar għal kull 100,000 ruħ milli kien hemm fl-2013.
Din kienet tfisser żieda ta’ xejn anqas minn 62%. It-tieni l-akbar żieda kienet irreġistrati fl-isptarijiet fil-Belġju b’żieda ta’ 51%.
Ir-rapport juri wkoll li Malta kellha l-ogħla numru ta’ health care assistants li jaħdmu full-time għal kull 100,000 ruħ.
Joħroġ ukoll li kien hemm għadd ta’ pajjiżi li naqsu l-ammont ta’ health care assistants b’detriment għas-saħħa tal-pazjenti.
L-akbar tnaqqis kien irreġistrat fl-Olanda, waqt li kien hemm tanqqis konsidervoli wkoll fl-Islovenja. Tnaqqis ieħor kien irreġistrat fil-Greċja, fi Spanja, l-Irlanda u l-Kroazja.
Mir-rapport joħroġ ukkol li Malta għandha fost l-ogħla numru ta’ infermiera u qwiebel fl-isptarijiet Maltin fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt b’medja ta’ tmien mija u tliet infermieri għal kull 100,000 ruħ, Malta kellha t-8 l-ogħla rata fost il-pajjiżi kollha Ewropea.
L-għadd ta’ infermieri f’Malta kienu aħjar mir-Renju Unit, l-Awstrija, il-Portugall, l-Italja, Spanja u l-Greċja li għandha l-inqas numru ta’ infermiera bi 331 għal kull 100,000 ruħ.
L-esperti tal-Eurostat żiedu jgħidu li bejn 2012 u s-sena l-oħra, l-infermieri f’Malta żdiedu minn kważi 3,000 fl-2012 għal aktar minn 4,000 is-sena l-oħra.
Il-Eurostat innota wkoll żieda fin-numru ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa fl-isptarijiet Maltin u Għawdxin minn 6,628 fl-2013 għal 7,489 s-sena l-oħra, jiġiferi żieda ta’ aktar minn 1,000 professjonist.