“Dalwaqt se nkunu qed nagħlqu sena minn meta tellaqna l-proġett tat-toroq residenzjali, proġett bla preċedent u wegħda li nwettqu rivoluzzjoni fl-infrastruttura tat-toroq ta’ pajjiżna. Din il-wegħda qed inwassluha mit-toroq rurali sat-toroq residenzjali sat-toroq arterjali ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg waqt li kien qiegħed iżur Triq il-Ferrovija l-Qadima, li hija waħda mill-itwal toroq residenzjali li qiegħda tibni mill-ġdid Infrastruttura Malta.
Triq il-Ferrovija l-Qadima taqsam minn Ħal Balzan għal Birkirkara u għandha jinfdu magħha madwar 11-il triq oħra. F’din it-triq, saru maż-2 kilometri ta’ cables u pipes taħt l-art għas-servizzi ta’ ilma, telekomunikazzjoni u internet, flimkien ma’ pedamenti ġidda, kilometru u nofs ta’ bankini fuq iż-żewġ naħat tat-triq, u l-bini mill-ġdid tas-service road li hemm fuq waħda min-naħat tat-triq fuq ix-xaqliba ta’ Ħal Balzan fejn it-triq tmiss ma’ Vjal De Paule.
Il-Ministru Borg spjega li hekk kif għexieren ta’ toroq li ġew ikkuntrattati matul din is-sena qed isiru għall-ewwel darba, dawn ikollhom jinbnew kompletament mill-qiegħ. Huwa tkellem ukoll dwar l-ammont ta’ ħidma involuta qabel il-proġett jibda fit-triq innifisha, inkluż konsultazzjoni mal-entitajiet tas-servizzi u mal-Kunsilli Lokali.
“Għadda ż-żmien li proġett infrastrutturali jfisser li nagħtu t-tarmac fuq triq imħarbta. Impenjati li nwasslu infrastruttura ta’ kwalità b’mod ħolistiku. Impenjati li fejn hemm bżonn inkomplu naħdmu bil-fażijiet biex kemm jista’ jkun nevitaw l-inkonvenjent. Impenjati li wasslu lir-residenti ta’ pajjiżna dak li jixirqilhom: proġetti maħsuba, proġetti bi standards u fuq kollox kwalità tal-ħajja aħjar,” għalaq il-Ministru Ian Borg.