Jisimgħu l-istejjer u ara min itellifhom, imqar tgħaddi dubbiena minn quddiemhom. In-narazzjoni interattiva tal-istejjer tqanqal lit-tfal biex jaqraw u biex il-ktieb tassew ikun ħabib tagħhom.
Dan kien l-għan tal-attività ‘Għidli Storja’ ta’ Heritage Malta. Fil-mużew tal-arkeoloġija, il-fonti ta’ informazzjoni li tgħaġġeb lil bosta minn żmien il-Pre-istorja sal-era moderna, it-tfal inġabru jisimgħu l-istejjer li saħħruhom.
Din l-attività mmirata għal tfal bejn l-ħames u l-għaxar snin twassal ukoll biex it-tfal jitfgħu ħarsithom fuq is-siti storiċi madwar Malta.
“L-iskop ta’ dawn l-attivitajiet li qegħdin isiru ġewwa s-siti ta’ Heritage Malta hu kemm jista’ jkun biex nressqu aktar tfal kif ukoll ġenituri jew min ikun qed jakkumpanjahom lejn is-siti tagħna u l-mużewijiet tagħna. Ovvjament dawn l-attivitajiet kieku jistgħu jsiru kullimkien iżda qegħdin nippruvaw nadattaw kull sessjoni kull attivita’ skond il-kuntest ta’ fejn qegħdin.” Stqarret Graziella Vella, uffiċjal ta’ Heritage Malta.
Ma naqas ukoll li t-tfal jitkellmu magħna. Esprimew ruħhom bl-akbar innoċenza iżda fuq kollox saħqu kemm il-qari jagħmillhom il-ġid.
“Nħobb naqra ftit żgħira u l-iktar eżempju ta’ Geronimo u hekk nħobb naqra jiena dawk. Għax nteressanti, tisma l-istejjer, titgħallem, tkun taf tikteb u hekk.” Stqarr Gabriel.
Aidan kompla jgħid, “Għax qabel kont qisni meta kont ġejt l-ewwel darba kont ħassejtha vera nteressanti u din id-darba ridt niġi bilfors.”
“Inħobb naqra ħafna, tgħini l-mummy nħobb nisma stories differenti”. Qal Matthias.
Heritage Malta dalwaqt se tħabbar il-programm tas-sajf tagħha, bi Graziella Vella ttenni li t-tfal ma joqgħodux biss bil-qiegħda iżda jipparteċipaw bi sħiħ.
“Bħala numru ta’ l-istudenti hemm rispons sabiħ ħafna f’dak li huwa waqt is-sessjoni jiġifieri tfal ikunu engaged ħafna u jipparteċipaw b’mod attiv mhux just qegħdin hemmhekk jisimgħu l-istorja.” Ikkonkludiet Vella.
Intant fit-tlieta ta’ Jannar li ġej ġewwa l-mużew ta’ l-arkeoloġija se ssir attività oħra ta’ qari organizzata minn Heritage Malta biex fost it-tfal tibqa’ tixxettel in-namra għal ktieb, li għandu jibqa’ l-ħabib għażiż ta’ kulħadd.