15-il sena ilu għajnejn id-dinja daru fuq numru ta’ pajjiżi li jmissu mal-Oċean Indjan f’dak li għadu meqjus bħala wieħed mill-agħar diżastri naturali fl-istorja riċenti.
It-tsunami tas-26 ta’ Diċembru tal-2004 ħasad il-ħajja ta’ aktar minn 275,000 ruħ fosthom mijiet ta’ turisti, li kienu għall-btala tal-Milied f’xi wieħed mill-14-il pajjiż li ntlaqtu mit-tsunami. Dan kien ikkawżat minn terremot qawwi fl-Oċean Indjan li kejjel 9.1 fuq l-iskala Richter, u kellu saħħa aqwa minn 23,000 bomba nukleari bħal dik li twaddbet fuq il-belt Ġappuniża ta’ Hisroshima fl-erbgħinijiet.
F’għaxar minuti l-inħawi ta’ Banda Aceh u xi gżejjer fil-qrib intlaqtu, u bosta komunitajiet żgħar inqerdu għalkollox.
Sa sagħtejn wara, it-Tajlandja u Sri Lanka, l-agħar pajjiżi li ntlaqtu mit-tsunami, sfaw vittma ta’ dan id-diżastru naturali, qabel ma’ dan mexa lejn l-Indja, il-Maldives, u l-Kosta tas-Somalja.
It-tsunami fisser ukoll daqqa ta’ ħarta għall-industrija turistika tal-pajjiżi milquta b’eluf ta’ nies jispiċċaw fil-faqar.
15-il sena minn din it-traġedja, mijiet ta’ vittmi għadhom ma ġewx identifikati. Kawża ta’ hekk, numru ta’ persuni li jgħixu fil-vilaġġi l-aktar milquta għadhom s’issa jirrifjutaw li jaqtgħu qalbhom li xi darba se jerġgħu jaraw lill-għeżież tagħhom. Filfatt diversi stazzjonijiet tal-Pulizija f’żoni kostali mal-kosta tal-Oċean Indjan, għad fadlilhom kontejners sħaħ ta’ oġġetti personali bħal kartieri, appart elettroniku u dokumenti personali ta’ vittmi li għadhom ma nstabux.
Riċerka li saret mill-Koalizzjoni tal-Evalwazzjoni kkonfermat li t-tsunami kien ivvjaġġa mal-50 pied f’sekonda waħda . Xjentisti qalu li dan kien it-tielet l-aktar terremot b’saħħtu fl-aħħar 120 sena. B’kollox, dak li baqa’ magħruf bħala il-Boxing Day Tsunami tal-2004, ikkawża ħsara li tlaħħaq il-ħmistax-il biljun Dollaru Amerikan.
It-traġedja li laqtet dawn l-inħawi tal-globu nislet solidarjetà kbira mill-pajjiżi kollha tad-dinja, inkluż mill-Maltin li dakinhar l-Istrina kienu ddeċidew li l-Ħadd ta’ wara ssir Istrina oħra biex tgħin lill-popli milquta. Fil-fatt il-Maltin kienu bagħtu provvisti kbar ta’ ikel, mediċini u affarijiet oħra meħtieġa.
Huwa stmat li b’kollox inġabru tlettax-il biljun Dollaru Amerikan f’donazzjonijet minn bosta ġnus u kumpaniji privati.