Kulma jmur il-qasam tal-avjazzjoni f’pajjiżna qed ikompli jikber. Dan hekk kif fl-aħħar jiem intlaħqet ukoll il-mira ta’ 400 ajruplan irreġistrat f’pajjiżna.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura l-Ministru Ian Borg.
Mistoqsi minn ONE News dwar dan l-iżvilupp importanti fis-settur tal-avjazzjoni u anke għall-Transport Malta, il-Ministru Ian Borg qal li dan wasal wara li r-reġistru tal-ajruplani ngħata prominenza.
“Il-qasam tal-avjazzjoni f’pajjiżna huwa wieħed relattivament żgħir għaliex dan l-aħħar rajna r-reġistru jieħu iktar prominenza u allura qiegħdin naħdmu biex niddupplikaw, nirrepplikaw is-suċċess li ksibna fil-qasam tal-marittimu bir-reġistru jilqa l-400 ajruplan kif jiena kont tlabt lill-awtorità Transport Malta taħdem sabiex tilħaq bħala mira f’din is-sena fl-2019.”
Huwa qal li snin ilu l-pajjiż kien joħlom biss li s-settur tal-avjazzjoni kien se jikber.
“Konna bdejn bi ftit inqas minn 300 ajruplan fuq ir-reġistru din is-sena partikolari u fil-bidu konnha rajnih bħala tragward li huwa daqxejn il-bogħod però intlaħaq.”
Intant il-Ministru Borg saħaq ukoll kif riżultat tal-mira milħuqa se jkun hemm aktar impjiegi ta’ kwalità u aktar flus fl-ekonomija Maltija.
“Rajna kumpaniji importanti li ressqu u taw fiduċja lill-ġurisdizzjoni Maltija. Dan ifisser aktar ħolqien ta’ xogħol u xogħol ta’ kwalità f’dan ir-rigward bla dubju ta’ xejn u anke iżjed flus fil-kaxxa ta’ Malta sabiex umbgħad il-Gvern iħaddimhom bl-aħjar mod possibli.”