Il-membri tal-Partit Laburista se jkunu jistgħu jivvotaw qabel il-jum proprju tal-elezzjoni għall-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista.
Fost oħrajn, f’din il-votazzjoni se jkunu jistgħu jivvotaw il-membri tal-Partit li se jinzertaw imsefrin dakinhar tal-elezzjoni li se ssir fit-tieni Sibt ta’ Jannar. Il-votazzjoni bikrija għall-mexxej tal-Partit Laburista se ssir fit-tmienja ta’ Jannar li ġej, bejn id-9:00am u t-8:00pm.
Il-Membri tal-Partit li għandhom id-dritt tal-vot u li jafu li jridu jivvotaw f’dan il-jum, iridu jirreġistraw għall-vot fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tal-Ħamrun sat-3 ta’ Jannar li ġej, kif spjega ċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali Dean Hili.
“F’każ li jkun irreġistrat Għawdex jista’ jirreġistraw Għawdex ukoll. Appena jkun hemm dan wieħed jista’ jivvota fis-sessjoni bikrija li se ssir fit-tmienja ta’ Jannar.“
Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista se jilqa’ l-applikazzjonijiet għall-elezzjoni bikrija kuljum minbarra l-Ħdud, Lejlet u Jum l-Ewwel tas-Sena.
“Għandna bzonn id-dokument tal-vot biex jivverifikaw mas-sistema imma rrid jippreżenta dokument personali u uffiċjali biex jigi identifikat u hemm formola li se timtela dak il-ħin mill-persuna nnifisha.“
Apparti l-votazzjoni bikrija f’Malta fit-8 ta’ Jannar, se ssir elezzjoni bikrija wkoll f’Ta’ Sannat, Għawdex fl-istess jum.
L-elezzjoni għall-Mexxej Laburista ġdid li eventwalment jinħatar ukoll bħala Prim Ministru se ssir fil-11 ta’ Jannar. Il-membri eleġibbli se jkunu jistgħu jixħtu l-vot tagħhom fit-tlettax-il post tal-votazzjoni, f’ħinijiet li l-Partit stess mistenni jħabbar aktar ’il quddiem.
Din hija l-ewwel darba li l-membri tal-Partit Laburista se jkunu qegħdin jivvotaw biex jaħtru l-Mexxej. Dan wara li fl-2008, l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista kien ippropona li l-Mexxej jinħatar waqt Kungress Nazzjonali, li jiġbor fi ħdanu lill-emmbri tal-Partit, u jkun dan l-orgaunu li jaħtar il-mexxej.
Persuna ssir membru tal-kungress wara ħames snin konsekuttivi msieħba fil-Partit Laburista.