Il-kuntistabbli tal-Pulizija Andrew Grech kien ilu nieqes mit-taħriġ għal seba’ ġimgħat, iżda ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex jagħmel il-ġirja annwali tal-Pulizija b’tul ta’ ħames kilometri għal sieħbu Ryan Tonna, il-kuntisabbli li tilef ħajtu traġikament ftit tal-jiem ilu fi tmiem il-maratona ta’ Pisa.
U mhux talli rnexxielu jlestiha mill-inħawi ta’ Kennedy Grove għal Baħar iċ-Ċagħaq, iżda Andrew rnexxielu jirbaħ ukoll l-edizzjoni tal-Polrun li ssir b’risq il-karus tal-Malta Community Chest Fund.
Il-Polrun hija ġirja ta’ ħames kilometri li l-Kumitati Sportiv tal-Korp tal-Pulizija jorganizza b’risq il-Malta Community Chest Fund u l-Istrina. Minn 115-il membru tal-Korp jieħdu sehem fiha ħames snin ilu, il-parteċipazzjoni żdiedu għal 350. Ilkoll sodisfatti li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi ngħaqdu għal ġest tant nobbli, il-parteċipanti offrew ukoll somma flus biex il-katavru ta’ Ryan jkun jista’ jinġieb Malta għad-difna.
Il-premji tal-ġirja ta’ din is-sena tqassmu l-għada tal-Milied mill-President ta’ Malta George Vella li ta ħajr lill-parteċipanti kollha.
Il-Kuntistabbli rebbieħ spjega li filwaqt li l-prijorità ta’ din l-attività hija li jinġabru l-fondi għall-Istrina, fl-istess ħin tfakkar l-importanza tal-attività fiżika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.