It-tradizzjonijiet tal-Milied, tradizzjonijiet li baqgħu jixxettlu tul il-ġenerazzjonijiet.
Narmaw u nżejnu tal-Milied, nagħmlu l-pantomimi u fuq kollox narmaw il-presepju l-Bambin.
Dawn huma wħud mid-drawwiet tagħna fost oħrajn marbuta mal-ikel, fosthom il-qagħaq tal-għasel u xi kant ta’ għanjiet tal-Milied ma jonqosx ukoll.
Uħud mill-Maltin ikabbru wkoll minn kmieni l-ġulbiena.
Il-ħwienet tal-Milied ikunu wkoll mballati bin-nies.
Mario Coleiro li għandu ħafna għal qalbu t-tradizzjonijiet semma wkoll uħud mid-drawwiet li ġew mal-ħakkiema ta’ pajjiżna tul l-istorja fosthom is-siġra tal-Milied, li ġiet mal-Ingliżi.
“Bħala tradizzjonijiet l-Milied ma tistax tgħid li kellu xi tradizzjonijiet kbar ħafna bħal ma hemm perezempju fil-Ġimgħa l-Kbira pjuttost kienu ridotti t-tradizzjonijiet. L-fatt li jiġi fix-Xitwa kienu ridotti għal xi ħaġa li ssir ġewwa fil-knisja jew fid-djar.”
Colerio tenna li maż-żmien ċertu tradizzjonijiet aktar milli ntilfu żviluppaw.
“Prattikament ħafna minnhom it-tradizzjonijiet mhux ma għadhomx jeżistu imma tajniehom bixra iktar moderna. Waħda milli ntilfet pereżempju li kienu joħorġu d-daqqaqa bl-istrumenti tradizzjonali Maltin idoqqu fit-toroq u jawguraw in-nies. Gifieri dik illum il-ġurnata biex tisma’ l-mużika tal-Milied m’hemmx għalfejn joħorġu d-daqqaqa.”
Fuq kollox hemm il-purċissjoni tal-Bambin mis-soċjetà tal-MUSEUM li ġiet imnebbħa mill-qaddis Malti San Ġorg Preca.
“Jekk inħarsu lejn it-tradizzjoni tal-presepju u kif isiru l-grotta tal-mużew li jagħtu lit-tfal kollha b’mod jew ieħor isiru pjuttost ngħid jiena llum il-ġurnata żvilluppaw aktar. Bħal pereżempju l-purċissjoni tal-bambin li għadha ssir u f’ċertu postijiet tant kibret li anzi tkun akkumpanjata anke mill-banda.”
Colerio temm jisħaq li minkejja dan kollu u t-tradizzjonijiet kollha ġodda li deħlin, l-qofol u s-sinifikat tal-Milied għandu jibqa’ jdur madwar l-Bambin u l-miġja ta’ Ġesù fostna.