F’Singapore, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar kif il-proġett tal-impjant tal-gass f’Dellimara huwa l-proġett li mhux biss se jibdel ta’ taħt fuq is-settur tal-enerġija f’pajjiżna, iżda li se jassigura wkoll kontijiet irħas u sostenibbli.
Meta kien qed ikun inawgurat il-bastiment, li sakemm isir il-pipeline tal-gass se joffri l-gass lil impjant f’Dellimara, Joseph Muscat qal ukoll li permezz ta’ dan il-proġett Malta issa għandha garanzija aħjar tal-provvista tal-elettriku. Dan f’pajjiż fejn it-talba dejjem qed tiżdied għaliex għandu ekonomija li qed tikber.
Il-Prim Ministru spjega kif fuq kollox huwa wkoll il-proġett li se joffri arja iktar nadifa. Daqshekk heavy fuel oil u Malta se jkollha taħlita minn fejn tikseb l-elettriku tagħhha.
Filwaqt li tkellem kif il-gvern immexxi minnu bidel l-Enemelta fisser kif permezz ta’ dan il-proġett il-gvern telaq mill-metodu tradizzjonali fejn kien hemm biss din il-kumpanija tipprova l-elettriku u dan kollu ġab it-tifħir saħansitra tal-Kummissjoni Ewropea u aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.
Fuq kollox, qal il-Prim Ministru, iċ-ċelebrazzjoni simbolika f’Singapore mhijiex marbuta biss mal-infrastruttura ta’ bastiment. Iżda, hija wkoll ċelebrazzjoni ta’ pajjiż ħieles li qed ilaħħaq ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa f’dan is-settur ukoll.
It-tanker issemma Armada LNG Mediterrana. Dan it-tanker mistenni jasal Malta f’Settembru li ġej, fejn imbagħad isiru l-ewwel testijiet fuq il-power station il-ġdida.
It-tanker kien jissupplixxi l-fjuwil qabel ġie konvertit biex jintuża għall-ħażna tal-likwidu tal-gass naturali. Il-konverżjoni saret fit-Tarzna ta’ Keppel f’Singapore u bdiet f’Settembru 2015.
Il-livelli ta’ sigurtà li qed tassigura l-Bumi Armada huma fost l-ogħla standards u dan se jiġi spjegat fid-dettall meta x-xogħol ta’ konverżjoni jkun tlesta fi ftit jiem oħra.