Ħafna drabi f’dawn il-ġranet niftakar f’talba li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Kliem l-Arċisqof ta’ Malta l-Monsinjur Charles Scicluna waqt il-messaġġ tiegħu għal dan il-Milied, fejn fisser kemm tkun ħaġa sabiħa kieku dan il-Milied, aħna lkoll nirriflettu fuq din it-talba sempliċi imma profonda tal-qaddis Malti.
Qal kif “Għandna bżonnok biex tgħallimna kif inħobbu lil xulxin, għandna bżonnok biex tgħallimna nagħżlu t-tajjeb f’ħajjitna, għandna bżonnok biex tgħallimna u tgħinna naħfru lil xulxin. Id-dinja hija għatxana għall-paċi, hija għatxana wkoll għall-ferħ.”
Fakkar kif fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Papa Franġisku ħareġ meditazzjoni sabiħa b’riflessjonijiet sbieħ dwar il-presepju. Kien San Ġorġ Preca stess li f’kull dar f’Malta xtaq li jkun hemm presepju ċkejken, imqar grotta, u lill-katekisti tiegħu għallimhom li fil-Milied jagħtu Bambin jew presepju żgħir lil kull tifel u tifla li jmorru għat-tagħlim fl-oqsma tagħhom, biex jiftakru s-sinjifikat profond u vera tal-Milied.
Il-Papa tkellem ukoll dwar il-persunaġġi li hemm fil-presepju, u dwar il-fatt li jitpoġġew oġġetti bħal kwiekeb, xi xmara, siġar, il-baqra l-ħmara, u n-nagħaġ hekk kif il-ħolqien kollu jadura l-misteru tat-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Spjega kif “Jekk hemm xi ħadd li qed jismagħni, li jħossu mtaqqal minħabba ċ-ċirkustanzi tal-ħajja, jiena nistiednu biex jersaq lejn il-maxtura tal-Mulej u jgħidlu t-talba profonda u ħerqana: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Jekk hemm xi ħadd li huwa ferħan u għandu għaliex jifraħ, jalla l-ferħ tiegħu jkun jista’ jaqsmu mal-proxxmu tiegħu.”
Temm ifakkar fuq kollox kif waqt li l-Mulej ġie biex itaffi l-għatx għall-ġustizzja u għall-verità, irid fuq kollox jgħallimna l-ħniena, l-għaqda, il-paċi ta’ bejnietna.
Qal kif “Aħna u niftakru fin-nuqqasijiet tagħna, m’għandniex naqtgħu qalbna, nersqu lejh li huwa t-tabib tar-ruħ tagħna, nersqu lejh li huwa l-għajn tal-ħniena u l-għajn tal-paċi. F’dan il-Milied niftakru li twildilna l-Prinċep tal-paċi u l-paċi tal-qalb hija l-ikbar rigal u l-ikbar barka li jiena nawgura lil kull wieħed u waħda minna.”