Il-qtugħ estensiv tal-provista tal-elettriku t-Tnejn filgħodu hu mifhum li aktarx ġie riżultat ta’ bastimenti li kienu qed ibaħħru.
L-Inġinier u espert fl-enerġija Jonathan Scerri qal li dan kollu wassal għal ħsara fil-cable taħt il-baħar tal-interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija. Hu stqarr: “Kif ġie rrapurtat f’ċerta midja jidher li kien ħsara fil-baħar fl-interconnector. Issemma wkoll li possibbilment kien hemm ħsara mekkanika possibbilment minn xi bastimenti. Wieħed irid jivverifika billi wieħed janalizza l-ħsara viżwalment permezz ta’ bastimenti speċjali atrezzati biex jagħmlu spezzjonijiet f’dak il-fond.”
L-Inġinier Scerri spjega kif taħdem il-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija bejn l-Interconnector u l-Powerstation tal-gass ta’ Delimara. Scerri sostna: “L-elettriku hija xi ħaġa li ma tistax taħżina jiġifieri dak li tipproduċi issa tris tikkunsmah issa. Allura li ġara l-bieraħ peress li l-interconnector kien qed jissupplixxi mal-mitejn Megawatt intefa’ b’ammont sostanzjali li finalment spiċċa lil kulħadd. Forsi wieħed irid japprezza li biex tistartja powerstation ġenerali tieħu ammont ta’ ħin u anki sigħat. Ikun turbini ta’ emerġenza li dawk jistartjaw fi ftit minuti mbagħad dawk jintużaw biex jistartjaw magni kbar biex ikunu jistgħu jissupplixxu lil kulħadd.”
Fi stqarrija l-Enemalta spjegat li t-tiswija fuq l-Interconnector tieħu l-ħin u b’hekk din tista’ tirriżulta f’interruzzjonijiet fil-provista tal-elettriku. L-Inġinier Jonathan Scerri temm jgħid: “L-iżvantaġġ ta’ sistema iżolata hi li jekk inti jkollok ħsarat fil-magni tiegħek ovvjament ikun hemm interruzzjonijiet momentarji għal xi konsumaturi sakemm dawk il-ħsarat jiġu ractified jew inkella jinxtegħlu magni oħrajn biex jirriplacejaw dik il-magna li tkun intfiet bil-ħsara.”