Chris Fearne diġà beda jaħdem mal-istituzzjonijiet Ewropej u ma’ organizazzjonijiet oħra bħalma huma l-mezzi tax-xandir Ewropej biex isewwi l-ħsara li saret lil isem pajjiżna mill-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista fi Brussell.
Fl-aħħar jiem, id-Deputat Prim Ministru tkellem mal-aktar ġurnal influwenti fi Brussell, Politico, fejn elenka l-prijoritajiet tiegħu jekk ikun elett Prim Ministru ta’ Malta.
Il-ġurnal Politico jikkwota kif bħala Ministru tal-Gvern, Chris Fearne rnexxielu jdawwar ir-rotta fil-qasam tas-saħħa, li wasslet biex Malta bdiet tkun ikklassifikata bħala pajjiż li għandu waħda mill-aqwa sistemi tas-saħħa madwar id-dinja. Dan billi qatgħa l-waiting lists tal-operazzjonijiet, indirizza l-problema tal-mediċini out of stock u anke daħħal sistemi ġodda u innovattivi fl-isptarijiet.
Mal-editur ta’ Politico, Chris Fearne sostna li l-Partit Laburista għamel suċċessi kbar fil-pajjiż li ma jista’ jiċħadhom ħadd. Huwa ddikjara li sentejn ilu l-Gvern kien elett b’mandat ċar u b’saħħtu u għalhekk m’hemm l-ebda ħsieb ta’ elezzjoni ġenerali bikrija.
Fearne sostna bla tlaqlieq li jekk ikun elett mexxej, ser imur b’wiċċu mill-quddiem jitkellem mal-Kummissjoni Ewropea u mal-istituzzjonijiet Ewropej biex inaddaf isem pajjiżna. Kif diġà għamel fil-passat meta deher darbtejn quddiem id-delegazzjonijiet Ewropej li ġew f’pajjiżna biex janalizzaw is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt.