B’investiment ta’ €420,000, il-linja tal-vapur tal-art l-antik f’Ħat Attard ingħatat dehra friska bil-għan li ssebbaħ il-lokalità u tgħin tkompli tfakkar iż-żminijiet fejn fihom Malta kienet tagħmel użu minn dan il-meżż ta’ trasport pubbliku.
Il-proġett huwa maqsum f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi b’investiment ta’ madwar €150,000, tinkludi r-restawr tal-linja tal-vapur tal-art l-antik f’Ħ’Attard.
Ix-xogħol inkluda restawr fuq is-sur maġenb il-linja u tindif tal-ħitan hekk kif għal żmien twil dawn tħallew fi stat ta’ abbandun. Il-proġett jinkludi wkoll l-istallazjoni ta’ dwal ġodda tul il-linja l-antika u l-bini ta’ turġien u rampi ġodda.
It-tieni fażi tal-proġett tinkludi wkoll it-twaqqif ta’ ċentru kulturali ta’ informazzjoni fi ġnien l-Istazzjon f’Ħat Attard.
Dan bil-għan li jixħet kuxjenza fuq iż-żmien fejn fih il-pajjiż kien jiddependi fuq il-vapur tal-Art. Mezz ta’ trasport li ntuża bejn 1883 u l-1931.
Preżenti għal konferenza li timmarka tmiem l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg spjega kif Infrastructruttura Malta provdiet 110 siġar taż-żebbuġ għal dan il-proġett sabiex jissebbħu l-inħawi u jkompli jitħaddar il-madwar.
Huwa saħaq ukoll li l-Kunsilli Lokali madwar Malta għandhom jagħmlu użu minn fondi allokati għalihom mill-Awtorità tal-Ippjanar favur it-tisbiħ tal-lokalijiet madwar Malta u Għawdex.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Edwart Zammit Lewis faħħar ix-xogħol li sar u li għad irid bħala parti minn dan il-proġett hekk kif ser ikompli jixħet kuxjenza fuq il-tradizzjonijiet u kultura tal-ibliet Maltin.