Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat qal li l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant ikkonfermat il-frame up fil-konfront tiegħu u familtu.
F’intervent telefoniku fuq ONE Radio il-Ħadd filgħodu tenna wkoll li sal-lum ħadd ma refa’ r-responsabbiltà għal dan.
“Dak kollu li issa huwa magħruf pubblikament jikkonferma ħaġa waħda bl-iktar mod ċar. Dak li xi ħadd ħa l-intrigu biex iffalisfika dokumenti li permezz tagħhom ipprovaw mhux biss joħolqu frame up fil-konfront tiegħi u ta’ familti, iżda provaw jiddistabilizzaw il-pajjiż”.
Spjega li filwaqt li mhux magħruf min iffalsifika d-dokumenti, kulħadd jaf min prova jirkeb fuq din il-gidba:
“Li hu magħruf hu min prova jirkeb fuq dan kollu. L-eks Kap tal-Oppożizzjoni u n-nies ta’ madwaru. Kien il-poplu m’emminx dawn l-affarijiet fi żmien meta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista riedet tiddistabilizza l-pajjiż”.
Joseph Muscat qal li ma setax jippubblika l-inkjesta qabel għax għandu responsabbiltà ta’ Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali qallu li l-pubblikazzjoni kienet se tippreġudika l-affarijiet. Iżda, illum hu evidenti kif il-kontenut tal-inkjesta jikkonferma l-konklużjonijiet.
Dan juri kif ma ndaħalx lill-pulizija anke jekk kien hemm ordni biex ikunu arrestati u investigati ċertu persuni:
“Fl-aħħar mill-aħħar hemm responsabbiltà politika li trid tintrefa. Jien erfajt ir-responsabbiltà, anke fejn l-azzjonijiet ma kinux tiegħi. Ħaddieħor għadu ma refax din ir-responsabbiltà”.
Tenna kif la l-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ qabel u lanqas tal-lum ma refgħu din ir-responsabbiltà.
Mistoqsi dwar il-futur tal-Partit Laburista hekk kif qed jaħtar Mexxej ġdid, il-Prim Ministru Muscat qal li dan il-proċess qed jgħaqqad lill-Partit Laburista. Dan b’kuntrast ma’ dak li ġara fl-Oppożizzjoni li llum tfarrket f’elf biċċa.
Hawnhekk il-Prim Ministru li rrefera għall-mod kif ħaddieħor ma kellux il-lussu li għandu l-Partit Laburista b’żewġ kontestanti b’saħħithom:
“Jien konvint li fi żmien li ġej il-Partit Laburista se jkun qed jissaħħaħ u Malta se tkun għaddejja u miexja ‘l quddiem. Għandi din il-konvinzjoni kemm għax naf il-programm li ġejna eletti fuqu bħala pajjiż. Naf kemm lil Chris Fearne u lil Robert Abela. Naf li dawn huma żewġ persuni li jafu jmexxu l-pajjiż ‘il quddiem”.
Joseph Muscat temm jgħid li jemmen li l-proċess se jagħti ħajja ġdida lill-Gvern għaliex hemm ħafna tajjeb x’wieħed jibni fuqu.