Il-President ta’ Malta George Vella qal li m’għandu l-ebda setgħat legali bil-Kostituzzjoni biex jitlob għar-riżenja tal-Prim Ministru sakemm dan għadu jgawdi appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Kamra tad-Deputati.
Fi stqarrija b’reazzoni għad-dikjarazzjoni li għamel ilbieraħ filgħaxija l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, fejn stqarr li l-President ta’ Malta għandu jaġixxi skond Artikli tal-Kostituzzjoni fir-rigward tal-Prim Ministru, l-Uffiċċju tal-President tenna li l-President sa issa aġixxa u għamel dak kollu li seta’ fil-parametri tal-fakultajiet li tagħtih il-Kostituzzjoni, kemm fuq bażi legali, kif ukoll dik morali.
L-Uffiċċju tal-President, sostnut minn pariri legali, jiddikjara li l-Artikli tal-Kostituzzjoni msemmija mill-Kap tal-Oppożizzjoni mkien ma jagħtu lill-President xi setgħat legali, Kostituzzjonali jew Eżekuttivi, li jneħħi lill-Prim Ministru mill-kariga sakemm ikun għadu jgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati.