18-il klabb tal-futbol internazzjonali minn 14-il pajjiż differenti se jkunu qed jieħdu taħriġ f’Malta tul din ix-xitwa f’dawk magħrufa bħala winter training camps. Fost dawn hemm timijiet mill-Istati Uniti, il-Belġju, l-Olanda u l-Ungerija.
Il-kunċett ta’ training camps fix-xitwa hawn Malta kien xprunat mill-bżonn ta’ aktar investiment fit-turiżmu sportiv. Biex ikun żgurat li d-delegazzjonijiet tat-timijiet ikunu moqdija bl-aħjar mod, sena ilu twaqqfet il-kumpanija MFA SportsPlus biex tiffaċilita t-taħriġ u l-logħbiet tal-prova.
Iċ-Chairman tal-kumpanija, Jason Micallef, spjega li t-temp kien fattur ewlieni biex Malta tiġi ttimbrata bħala iċ-ċentru l-ġdid għal dan it-taħriġ.
It-taħriġ u l-logħbiet ta’ prova se jsiru bejn it-tlieta ta’ Jannar u l-erba’ ta’ Frar li ġej, bis-sehem ukoll ta’ timijiet lokali. Micallef qal ukoll li timijiet kbar mir-Renju Unit ukoll qed iħarsu lejn Malta għal dan il-għan u għalhekk il-kumpanija qed tħares lejn sħab ġodda wkoll.
Id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal li skont kif ġara anke fis-snin ta’ qabel, Malta kapaċi tkun reklamata bħala destinazzjoni turistika ideali f’numru ta’ pajjiżi ġodda grazzi għat-taħriġ lit-timijiet fix-xitwa.