It-Taljan David Sapienza li kien inqabad jittraffika il-kannabis mill-karozza tiegħu ta’ tip Ferrari fi Swieqi, ser qed ikun jirċievi kumpens ta’ sebgħin elf ewro wara li l-Qorti sabet li din il-karozza lussuża ġiet rkantata anke jekk kienu għadhom għaddejjin il-proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu.
Il-każ imur lura lejn l-2013, meta l-pulizija sabet fil-pussess tat-Taljan droga kannabis u kokaina, ammont ta’ flus kontanti, u diversi mobiles u laptops filwaqt li kkonfiskatlu l-Ferrari.
Ir-raġel kien telaq lejn l-Italja fejn hemm hekk talab biex jidher quddiem il-Qorti Taljana għar-reat li wettaq Malta, li mbagħad kienet weħel sentenza ta’ 3 snin ħabs.
Is-sena l-oħra t-Taljan beda proċeduri sabiex il-każ f’Malta jitwaqqa’ filwaqt li talab li jieħu l-oġġetti li kkonfiskatlu l-Qorti Maltija, iżda dan kien ġie miċħud.
F’Jannar li għadda r-raġel fetaħ każ kostituzjonali wara li saħaq li d-drittijiet fundamentali tiegħu ġew miksura, fejn l-Imħallef Joseph Zammit McKeon fis-sentenza tiegħu ra kif li lit-Taljan inkisrulu erba’ drittijiet fundamentali, fosthom li ma ngħatatx lura l-affarijiet personali tiegħu.