In-Nadur Garmin 8k hija attività sportiva li qed tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali tan-Nadur bill-kollaborazzjoni sħiħa tal-Ministeru għal Għawdex. Din l-attività ser issir nhar il-Ħadd, 29 ta’ Diċembru, 2019.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana faħħret lill-Kunsill Lokali tan-Nadur li ta’ kull sena qed jorganizza din l-attività sportiva madwar ir-raħal tan-Nadur. Il-Ministru Caruana qalet li kull ma jmur qed jikber l-għarfien favur ħajja iktar attiva, peress li xjentifikament huwa pruvat li ħajja attiva tnaqqas ir-riskju tal-mard.
Il-Minstru Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex ukoll jemmen f’ħajja attiva, u għalhekk qed jiġu organizzati u mgħejuna diversi attivitajiet madwar Għawdex li jippromwovu l-attività fiżika u ħajja iktar sana, speċjalment fost it-tfal. Għal din ir-raġuni, din is-sena l-Ministeru għal Għawdex qed jagħti l-assistenza finanzjarja biex din l-attività tkun tista tittella’.
Is-Sindku tan-Nadur Edward Said qal li kull ma jmur qed jiżdiedu l-parteċipanti f’din it-tiġrija, fejn għal din l-edizzjoni ser jieħdu sehem madwar 200 atleta, li minnhom 150 huma Maltin. Is-Sindku rringrazzja lill-Ministru Caruana tal-għajnuna finanzjarja biex l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun suċċess.
Ritratti: MGOZ