B’investiment ta’ madwar tliet miljun ewro beda x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-masteplan ta’ Marsalforn.
Dan il-proġett li qiegħed isir f’bosta fażijiet għandu l-għan li ma jtellifx lill-komunità kummerċjali preżenti f’Marsalforn. B’hekk l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett ambizzjuż beda b’medda ta’ art li tkopri tlett elef u sitt mitt metru kwadru.
Dan il-proġett ser iġib miegħu riġenerazzjoni mill-qiegħ taż-żona fejn is-servizzi kollha li hemm preżentament ser jinbidlu ma’ oħrajn ġodda.
Element importanti minn dan il-proġett sħiħ huwa l-bini mill-ġdid ta’ breakwater. Wiegħda li l-Gvern huwa kommess li jimplimenta.
Il-Perit inkarigat minn dan il-proġett Frank Muscat stqarr li l-ewwel fażi se jinvolvi t-tisħiħ tal-bażi fejn wara li jiġu mgħoddija servizzi ġodda, ser isir pavimentar kemm bil-lava kif ukoll bil-porfido.
Il-Perit Muscat qal li apparti pavimentar ser jiġu installati servizzi ġodda għas-sajjieda kif ukoll għamara ġodda biex titgawda mill-pubbliku.
“F’dan il-proġett ukoll ħa jkollna sistema ta’ dawl ġdida u din il-area ħa tinbidel waqt li ħa tibqa’ sservi bħala port għas-sajjieda ħa ssir ukoll ferm aktar attraenti u ġa tikkomplimenta t-tisbieħ u l-innovazzjoni tar-ristoranti li anki huma min-naħa tagħhom ħa jagħmlu l-parti tagħhom ukoll.”
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li ġiet sottomessa applikazzjoni sabiex il-parkeġġ eżistenti f’Marsalforn jiġi organizzat b’tali mod li jissodisfa d-domanda ta’ parkeġġ.
“Naraw li Marsalforn ikollu masterplan li jkun tassew ħolistiku u naraw li din iż-żona turistikament strateġika tkun mhux biss embellished imma tkun ukoll adattata għall-bżonnijiet tal-lum kif ukoll li jkollna żona li tkun tassew tixraq lill-Għawdex u lil dawk kollha li jiġu jżuruna.”