Il-President ta’ Malta George Vella qal li wasal iż-żmien li f’pajjiżna ikollna dibattitu impenjattiv dwar il-possibiltà li r-rappreżentati tal-poplu jibdew jaqdu dmirijiethom full-time.
Il-President Vella qal dan waqt l-għoti tal-awguri lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom, lill-Prim Ministru, il-membri tal-Kabinett, il-kap tal-Oppożizzoni, l-Ispeaker, il-membri parlametnari, l-Isqfijiet u l-ġudikatura.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li dan l-awgurju din is-sena wasal f’mument partikolari għall-Gvern u għall-pajjiż hekk kif sa inqas minn xahar ieħor il-pajjiż se jkollu Prim Ministru ġdid. Stqarr li filwaqt li kien hemm nuqqasijiet li għalihom jerfa’ r-responsabbiltà, qal li tul dawn l-aħħar seba’ snin sar ġid kbir li tqassam bejn kulħadd. Dr Muscat stqarr li s-suċċessur tiegħu issa se jsib tim lest fil-kabinet sabiex ikompli jwettaq il-madwar sittin fil-mija mill-manifest elettorali li fadal x’jitwettaq. Huwa temm jawgura lill-President Vella u lit-tim tiegħu għall-ħidma li l-edizzjoni tal-Istrina ta’ din is-sena ġġib magħha. Waqt li rreċiproka l-awguri, il-President Vella tenna li għalkemm dan hu mument diffiċli għall-pajjiżna, bħala Maltin irridu noħorġu minnu.
Min-naħa tiegħu l-Arċisqof faħħar lill-President Vella tad-diskors ta’ għaqda li għamel f’Jum ir-Repubblika. Dan filwaqt li stqarr li ddejqu ħafna kif wara elfejn sena ta’ Kristjaneżmu f’pajjiżna ċertu nies f’dan il-mument diffiċli mhux iħarsu lejn xulxin b’mod ċivili. Stqarr li issa l-pajjiż irid jara wkoll kif il-paga tal-ħaddiem barranin trid tkun biżżejjed sabiex wieħed jgħajjex il-familja tiegħu. L-arċisqof innota wkoll kif it-teknoloġija llum qed tagħmilha iżjed faċli sabiex ċertu nies jiżirgħu l-firda fis-soċjetà tagħna. Aktar tard, il-Prim Ministru flimkien ma’ membri tal-kabinett taw l-awguri tagħhom lill-Arċisqof Scicluna. Dr Muscat innota b’mod pożittiv il-pożizzjonijiet li ħadet il-Knisja f’Malta f’diversi oqsma.
Tenna kif is-suċċessur tiegħu ser jara li r-relazzjoni tajba bejn il-knisja u l-Gvern tibqa’ hemm filwaqt li tkun irrispettata s-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja. L-isqof stqarr kif huwa ta’ pjaċir għalih li jara lill-Gvern jaħdem id f’id mal-Knisja fuq bosta oqsma li jgħinu lin-nies. Innota kif eżempju ta’ dan hija l-għajnuna li l-Knisja u l-Gvern qed jagħtu id f’id lil persuni li jbatu mill-vizzju tad-droga anke permezz ta’ ftehim li ġie iffirmat il-Ħamis filgħodu. Stqarr kif kien ta’ pjaċir jaħdem mal-Prim Ministru Joseph Muscat u qal li għalkemm dan huwa żmien diffiċli, il-mumenti diffiċli jridu joħorġu l-aħjar kwalitajiet fina u mhux l-agħar. L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista mmexxija mill-President Daniel Micallef għaddiet ukoll l-awguri tagħha lill-President ta’ Malta u lill-Arċisqof Charles J. Scicluna.