Alison u Menqa huma żewġ fkieren li kienu ġew salvati minn Marsalforn u minn San Pawl il-Baħar rispettivament u li wara diversi xhur ta’ kura minn Nature Trust – FEE Malta u minn Wildlife Rehabilitation Team, irritornaw lura fl-ambjent naturali tagħhom minn Ħondoq ir-Rummien.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ppresediet l-attività tar-rilaxx tal-fkieren u qalet li, “Il-ħarsien tan-natura u tal-ħlejjaq ta’ madwarna huma obbligu għalina lkoll kemm bħala awtorità, billi nipprovdu l-istrumenti legali u r-riżorsi kollha meħtieġa, kif ukoll bħala ċittadini li naraw li l-attivitajiet tagħna jkunu sostenibbli u nkunu disponibbli li nressqu għall-għajnuna dawk il-kreaturi li jkollhom bżonnha”.
Il-Ministru Caruana fakkret li l-ministeru hu impenjat li jkompli jtejjeb l-aspett ambjentali u jeduka lill-poplu biex jirrispetta l-ambjent Għawdxi. “Kien għalhekk li investejna f’kampanja ta’ għarfien bl-isem ta’ ProAct Protect Gozo, biex inkomplu ninfurmaw lin-nies dwar prattiċi li jsostnu u li jtejbu l-ambjent tagħna u rridu nkomplu nsaħħu l-kollaborazzjoni ma’ Nature Trust Malta li naħdmu tajjeb flimkien”, qalet il-Ministru Justyne Caruana.
Qabel ma ġew mitluqa l-fkieren, l-istudenti preżenti naddfu l-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien minn skart li akkumula kemm b’mod naturali kif ukoll minn dak li ntrema b’mod abbużiv u irresponsabbli.