Forum ġdid – l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’Malta – għandu l-għan li jibni rabtiet aktar mill-qrib bejn is-setturi tad-diżabilità u n-negozju. Dan billi joħloq pjattaforma għal diskussjoni u jtejjeb id-djalogu bejn persuni b’diżabilità u organizzazzjonijiet tan-negozju.
Il-Malta Business Disability Forum, immexxi mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), twaqqaf uffiċjalment permezz tal-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn id-disa’ membri tiegħu.
F’dan il-forum hemm:
- il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD);
- il-Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry;
- il-GRTU – Malta Chamber of SMEs;
- Malta Employers’ Association;
- il-Malta Federation Organization of Persons with Disability (MFOPD);
- il-Fakultà għall-Benesseri Soċjali;
- l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali;
- il-Kamra tan-Negozju ta’ Għawdex u
- l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna qal li b’dan il-forum ingħaqdu flimkien biex joħolqu vuċi aktar b’saħħtiha biex twassal azzjoni konkreta. Qal li dan il-forum għandu potenzjal straordinarju u qal li eċitati biex jitmexxew ‘il quddiem.
Ibbażat fuq twaqqif simili li sar fir-Renju Unit, din l-entità se tiffoka wkoll fuq li tnaqqas id-distakk bejn min iħaddem u persuni b’diżabilità.
Hemm aktar minn 19,000 persuna b’diżabilità reġistrati mal-Kummissjoni. Madankollu, għad baqa’ ħafna ostakli fejn tidħol aċċessibilità u impjieg għal persuni b’diżabilità.
Flimkien, l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Forum se jaħdmu biex jimmassimizzaw l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità fl-isferi tan-negozju u x-xogħol. Jaħdmu wkoll biex jgħinu biex titnaqqas id-differenza bejn in-negozju u l-persuni b’diżabilità u jippromwovu l-aċċessibilità fl-għoti tas-servizz filwaqt li jissaħħu l-aspirazzjonijiet għal karriera u l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità.
Il-Forum se jaħdem ukoll biex jidentifika kwistjonijiet li jirrikjedu azzjoni u attenzjoni u biex jinfluwenza lill-gvern u l-persuni li jfasslu l-politika biex ineħħu l-ostakli u jibdlu l-leġiżlazzjoni u l-prattiki burokratiċi.
Se jaġixxi wkoll bħala punt ta’ referenza għall-gvern u dawk li jfasslu l-politika biex jipprovdi rispons għal politiki ġodda. Il-Forum se jaħdem biex jikkummissjona riċerka fil-qasam tad-diżabilità u n-negozju, jesplora interlinks u jipprovdi evidenza għal azzjoni; biex juri l-potenzjal għal negozju u impjieg ta’ persuni b’diżabilità, bħala konsumaturi u sidien ta’ negozji u biex jiġġenera kuxjenza pubblika dwar dawn il-kwistjonijiet.