Fl-aħħar ġimgħat rajna fjuri u xemgħat fi Munich, il-kwiet u l-paċi li konna nsibu f’dan il-post inbidel f’wieħed ta’ tensjoni u dieqa dan wara bomba suwiċida. L-ambjent ta’ talb u ġabra fi knisja Franċiża nbidel f’xena ta’ mewt u mibegħda wara li ħanxru għonq qassis.
Ma rridux ninsew li qabel dawn l-avvenimenti, kien hemm l-attakk b’sikkina li għamel żgħażugħ Ġermaniż fuq ferrovija. Il-lista ma tispiċċa qatt – L-attakki f’Nizza, f’Brussel u f’Pariġi.
Din is-sena kienet ikkaraterizzata minn numru ta’ attakki relatati mal-ISIS – mhux biss fl-Ewropa iżda tista’ tgħid mad-dinja kollha – It-Turkija, Bangladesh, l-Amerka u l-Indonesja.
Il-grupp IntelCenter, li jżomm rekord u jiddentifika attakki terroristiċi, spjega li statistika turi kif mit-8 ta’ Ġunju sal-illum, kull 84 siegħa jsir attakk relatat mal-ISIS. Din l-istatistika ma tinkludiex l-attakki li jsiru fl-Iraq, Syria, Sinai, l-Eġittu u l-Libja għax kieku n-numru jiżdied mhux ħażin.
Iżjed minn nofs dawn l-attakki sar fi bliet kbar li mhux normali naraw dawn it-tip ta’ attakki fihom. Il-mod ta’ kif qed isiru dawn l-attakki – li ma jinkludux teknoloġija avvanzata qed iżiedu l-biża fl-Ewropa u iżjed minn qatt qabel, iċ-ċittadini qed jistennew li l-Gvern jikkontrolla din it-theddida.
Dan se jsir normali? Dawn l-attakki ħa jsiru rutina? Uliedna se jgħixu f’dinja iżjed vjolenti?
Mistoqsijiet li ma għandhomx tweġiba iżda żgur li qegħdin fil-moħħ ta’ kull wieħed u waħda minna.