“Kien verament ta’ unur għalija li ppresedejt, fuq talba tal-kollega tiegħi s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, l-ewwel konferenza li kienet tal-aqwa livell b’diskorsi minn esperti u minn nies b’esperjenza b’rabta mad-dimenzja”, qal l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia waqt it-tnedija tal-pubblikazzjoni ġdida li fiha tiġbor id-diskorsi li saru f’konferenza nazzjonali dwar id-dimenzja.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia faħħar il-ħidma ta’ dawk li jaħdmu f’dan il-qasam fosthom dawk tad-Dementia Intervention Team, li saħqu dwar l-importanza ta’ kampanji ta’ informazzjoni b’mod kontinwu bl-użu ta’ diversi sistemi tal-midja biex il-pubbliku jkun mgħarraf dwar l-iżviluppi pożittivi li saru permezz ta’ riċerka li sabet li l-eżerċizzju fiżiku, dieta bilanċjata, monitoraġġ mediku frekwenti, evitar ta’ tipjip u ta’ alkoħol, ilkoll inaqqsu r-riskju li persuna taqbadha d-dimenzja.
L-Ispeaker irrefera wkoll għax-xogħol li sar f’San Vinċenz de Paule, b’refurbishments dementia-friendly, u li issa din saret l-unika sala day-centre għal dawk li jbatu bid-dimenzja.
L-Ispeaker ikkonkluda li jħoss li din il-konferenza fetħet u ppermettiet lil dawk kollha konċernati jiddiskutu bejniethom it-triq ’il quddiem biex flimkien jindirizzaw il-piż li ġġib magħha din il-kundizzjoni kemm fuq il-pazjent kif ukoll fuq dawk li jgħinu lil min għandu din il-kundizzjoni u li qed isofri fis-silenzju. Żgur li din il-konferenza li nżammet fil-Parlament għall-ewwel darba ħalliet il-frott.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis irringrazzja lill-Ispeaker Anġlu Farrugia għall-entużjażmu tiegħu u li mhux biss kien aċċetta li ssir konferenza nazzjonali dwar id-dimenzja fil-Parlament fi Frar li għadda, iżda wkoll talli issa ħa l-inizjattiva li jippubblika l-kontribuzzjonijiet kollha li saru waqt din il-konferenza f’din il-pubblikazzjoni li se sservi ta’ ġid għal kull min jaħdem f’dan il-qasam.
Anthony Agius Decelis qal li bis-saħħa tal-pubblikazzjoni li tiġbor flimkien dak li qalu l-professjonisti u l-uffiċjali minn awtoritajiet, se tkompli titqanqal kuxjenza dwar din il-kundizzjoni meta hu previst li sas-sena 2040 se jkun hawn madwar 14,000 persuna bid-dimenzja.
Is-Segretatarju Parlamentari fakkar li l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimenzja fil-gżejjer Maltin hi multidimensjonali u tħares lejn firxa ta’ kwistjonijiet involuti fl-ippjanar effettiv tad-dimenzja. Din l-istrateġija tenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp tas-servizzi mibnija fuq diversi livelli b’riżorsi kordinati, li jwieġbu għall-ħtiġijiet individwali tal-persuni li jgħixu bid-dimenzja u għal dawk li jieħdu ħsiebhom. Is-Sur Decelis spjega li l-gvern ma qgħadx b’idejh fuq żaqqu iżda vara għadd ta’ servizzi u inizjattivi li qed jiġu implimentati biex jindirizzaw l-isfidi li ġġib magħha d-dimenzja.
Anthony Agius Decelis irringrazzja lill-Ispeaker u jħares ’il quddiem għal iktar inizjattivi biex mhux biss dan il-pajjiż jagħraf aktar kif jindirizza l-kundizzjoni tad-dimenzja, iżda aktar minn hekk itejjeb ħajjet l-anzjani maħkuma minnha, u ta’ qrabathom.