Għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet għat-twessiegħ tar-rotta ewlenija bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa b’nefqa ta’ €9 miljun u ħames mitt elf ewro.
Dan hekk kif bħalissa Infrastruttura Malta tinsab għaddejja qiegħda tagħti t-tieni wiċċ minn tlieta ta’ din l-arterja ewlenija.
L-Erbgħa filgħodu ONE News żar ix-xogħlijiet li qed isiru fejn hemmhekk tkellimna mal-Perit Corinne Dimech li hija responsabbli minn dan il-proġett li ser jindirizza l-konġestjoni tat-traffiku f’din iż-żona traffikuża.
Hija spjegat kif l-aġenzjia bniet mill-ġdid u wessgħet dawn iż-żewġ toroq li qabel kellhom biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji.
Dimech spjegat: “Dan il-proġett jinkorpora t-tibdil tal-karreġġjata fejn per eżistenti kienet karreġjata b’żewġ korsiji għal żewġ karreġjati b’erbgħa korsiji din id-darba. Żewġ korsiji lejn in-nofsinhar u t-tramuntana ta’ Malta.”
Il-Perit Dimech spjegat kif għall-ewwel darba saret korsija għar-roti twila madwar kilometru fiż-żewġ direzzjonijiet u li se tkun mifruda mit-triq. Korsiji b’tarmak addattat għar-roti.
Hija sostniet: “Iż-żona għaċ-ċiklisti ħa tkun issa magħquda ma’ dik pedonali u iktar importanti minn hekk ħa tkun mifruda mit-traffiku ewlieni permezz ta’ strippa ġdida li ħa tkun fiha landscaping ġdid. Tajjeb ngħidu wkoll li qed issir minn materjal ta’ asfalt u mhux konkrit għalhekk għaċ-ċiklisti hija iktar addatatta wkoll u tajjeb ngħidu wkoll li ż-żona għaċ-ċiklisti ħa tkun f’żewġ direzzjonijiet iktar milli waħda.”
B’hekk dawn ser jingħaqdu mal-korsija għar-roti li saret is-sena l-oħra fi Vjal l-Avjazzjoni, bejn Ħal Luqa u r-roundabout tal-Ajruport fil-Gudja.
Intant xogħol ieħor li għaddej bħalissa jinkludi l-bini tal-bankini ġodda mal-ġnub tat-triq, sistema ta’ dwal LED, daħliet aktar siguri għall-karozzi tal-linja, żoni b’siġar u pjanti oħrajn u tagħmir għal aktar sigurtà.
Bħala parti minn dan il-proġett, Infrastruttura Malta għaddiet minn taħt l-art madwar 1.6 kilometru f’servizzi ġodda tal-ilma, tal-Internet u tat-telekomunikazjzoni.
Dan flimkien ma’ żewġ kilometri oħrajn f’cables tal-elettriku li huma meħtieġa għas-sistemi ta’ dwal ġodda li qegħdin isir f’dawn it-toroq.
Inbniet ukoll sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita li għaliha saru kważi żewġ kilometri ta’ katusi u strutturi oħrajn.
B’hekk ukoll dan il-proġett se jżid l-effiċjenza għal ħafna oqsma kummerċjali u industrijali li jiddependu minn din iż-żona.