L-istorja tal-Partit Laburista dejjem urietna li meta l-Partit kien magħqud taħt tmexxija waħda u soda, dejjem erbaħna.
Stqarr dan id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne meta waqt Stat ta’ Fatt tkellem dwar il-lezzjonijiet li tgħallem fi ħdan il-Partit Laburista f’dawn l-aħħar 40 sena, kemm ilu attiv fil-Partit.
Dr Fearne sostna: “Ara kemm rajt mexxejja, jien dħalt fil-Partit meta kien Mintoff mexxej, imbagħad il-mexxejja kollha li semmejna llum. Konna għadna l-Freedom Press qabel morna l-Maċina mbagħad ġejna l-Ħamrun. Lezzjoni waħda: meta konna magħqudin bi tmexxija soda, irbaħna, meta konna mifrudin, tlifna. Illum il-mexxej il-ġdid irid ikun kapaċi jgħaqqad il-partit, jgħaqqad il-Grupp Parlamentari, jgħaqqad id-delegati, jgħaqqad it-tesserati.”
Il-Kandidat għal Mexxej Laburista sostna li jaf li hawn ħafna Laburisti li ilhom snin iħossuhom urtati għaliex riedu jinvolvu ruħhom fl-istrutturi jew fil-ħidma tal-Partit iżda għal xi raġuni jew oħra twarrbu.
Fearne qal li jrid li dawn il-Laburisti jerġgħu jħossuhom parti integrali mill-Partit u li biex dan iseħħ jeħtieġ li niltaqgħu magħhom b’mod individwali, nisimgħuhom u, fejn nistgħu, nindirizzaw il-weġgħat tagħhom.
Chris Fearne tenna għal darb’oħra li pajjiżna mhuwiex se jkollu elezzjoni bikrija u li l-Partit Laburista għandu mandat b’saħħtu biex jissokta jaħdem u jimplimenta l-manifest elettorali li l-poplu Malti ivvota għalih sentejnu nofs ilu.