Il-publikazzjoni tal-inkjesta Egrant uriet b’mod sħiħ kemm sar gideb fil-konfront tiegħu ta’ familti.
Sostna dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f’intervista fuq ONE Radio, meta rrefera għad-deċiżjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jippubblika din l-inkjesta b’għaġġla. Dr Muscat qal li issa Adrian Delia jrid jerfa’ hu r-responsabbiltà hu ta’ din il-pubblikazzjoni kontra l-parir tal-Avukat Ġenerali u esperti legali oħra.
Il-Prim Ministru kien diġà ddikjara li se jippubblikaha wara proċess immexxi mill-Kummissarju għal-Liġijiet li jara li ma jkunux preġudikati l-investigazzjonijiet: “Nittama li ma kienx qed jingħata parir biex dan isir biex ikunu mfixkla l-investigazzjonijiet.”
Qal li issa jista’ jitkellem b’libertà u reġa’ ħareġ li l-konklużjonijiet huma ċari: “Ħareġ kemm gidbu fuqi u fuq marti. Ħareġ ċar iktar minn qabel li kien hemm xi bravu jew brava li ffalsifikaw firem.”
Il-Prim Ministru nnota kif l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħareġ jiftaħar li l-inkjesta ma tgħidx li l-firem mhux iffalisfikati minnu. Dr Muscat stqarr: “L-inkjesta ma tikkonkludix minn iffalsifikahom…Simon Busuttil tgħabba bihom għax ħareġ in-nies fit-toroq. Ladarba għamilha tiegħu żgur politikament għamilha tiegħu.”
Joseph Muscat fakkar li dak li kkampanja fuqu għal sena u nofs Simon Busuttil kien ibbażat fuq dokument falz. Xi ħaġa li issa qed jammetiha hu stess. Huw qal: “Nistenna ġustizzja miegħi u l-familja tiegħi. Il-poplu għandu konferma kemm jien ma nindaħalx lill-pulizija. Kieku ngħidilhom x’ġara minn dan il-każ?”
Saħaq li issa qed jidher ċar u tond min kellu jiġi investigat għax għamel dan il-gideb fil-konfront tiegħu. Iddikjara wkoll li ladarba jkun ċittadin privat se jkun qed jisħaq għall-ġustizzja. Il-Prim Ministru żied jgħid: “Jien nistenna li ssir ġustizzja miegħi u familti u jkun hemm investigazzjoni sħiħa biex naraw minn kienu l-persuni li vvintaw dawn il-firem foloz…mix-xhieda li n-nies jistgħu jaqraw jidher li kulħadd kien qed iwaħħal f’xulxin.”
Il-Prim Ministru kompla jinnota kif l-ewwel kulħadd għamel l-istorja tiegħu, biex imbagħad kulħadd spiċċa jara f’min se jwaħħal. Dr Muscat tenna: “Jekk xejn il-pubblikazzjoni ta’ din l-inkjesta sħiħa turi kif mhux biss din il-kumpanija mhix tiegħi u ta’ marti iżda kien hemm attentat frame up fuqi. Jien għaddejt minn ħafna gideb fil-konfront tagħna. Din kienet l-ikbar waħda.”
Dr Muscat kompla li hu kien l-unika politiku li mar għal inkjesta meta saru allegazzjonijiet serjissimi dwaru. Dan b’kuntrast ma’ Adrian Delia.
Il-Prim Ministru enfasizza: “Jien l-uniku politiku li meta kien hemm kwistjoni bħal din qbadt u mort għand maġistrat. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu fil-konfront tiegħu dikjarazzjonijiet b’saħħithom immens. Bi skuża jew oħra qatt ma mar biex jitlob inkjesta fuqu nnifsu.”
Dr Muscat innota kif l-inkjesta turi li anke biex jiċċertifikaw il-firem qabdu iktar minn kumpanija waħda. Huwa stqarr: “Kien hemm min insinwa li ma ppubblikawx għax hemm xi ħaġa li turi li tiegħu. Issa hemm ċar li ġiet iffalsifikata dokumentazzjoni. Kien hemm attentat ta’ frame up politiku.”
Il-Prim Ministru ddikjara li mhu se jħalli lil ħadd jipprova jħammiġlu ismu fuq affarijiet li mhux aċċettabbli: “Li ninsisti jien. Mhux illum, imma meta nsir ċittadin privat issir li ssir ġustizzja.”
Joseph Muscat spjega kif il-parir tal-Avukat Ġenerali kien li jekk jippubblika jkun qed jippreġudika l-investigazzjonijiet.
Il-Prim temm jgħid: “Li hu żgur li jekk dak li jagħmel jista’ qed jippreġudika l-investigazzjonijiet mela mbagħad responsabbli hu personalment u politikament.”
Dr Muscat temm jinnota kif Adrian Delia jaf li issa se jduru għalih dawk li qed imexxu fil-Partit Nazzjonalista.
Aqra wkoll:
http://www.one.com.mt/2019/12/18/egrant-ordnati-proceduri-kriminali-kontra-efimova-fuq-kalunja/
http://www.one.com.mt/2019/12/18/il-pulizija-ghaddejja-bl-investigazzjoni-tad-dokumenti-ffalsifikati-tal-egrant/