Is-suċċess ekonomiku jrid jilħaq lil kulħadd. Din ħa tkun waħda mill-isfidi ewlenin indirizzati mid-deputat Laburista Dr Robert Abela jekk ikun elett mexxej tal-Partit Laburista, u eventwalment Prim Ministru.
Qal dan f’intervista fuq ONE Radio fejn spjega l-importanza ta’ ekonomija b’saħħitha li permezz tagħha l-ġid ikun jista’ jitqassam lura lill-poplu u tara li titjieb il-livell ta’ ħajja għal kulħadd.
Dr Abela sostna: “Il-pass li jmiss fil-livell ekonomiku tagħna huwa li nżidu l-kwalità tal-ħajja ta’ min qiegħed fil-livelli l-baxxi tas-soċjetà tagħna. Jekk aħna tant qed niftaħru u bir-raġun bit-tkabbir ekonomiku imma dan it-tkabbir mhux qed jilħaq lil kulħadd u hemm pockets fis-soċjetà tagħna li qed jesperjenzaw il-faqar relattiv, faqar assolut jew faqar ta’ xort’oħra. Jekk mhux ser nindirizzaw dawk is-setturi allura ngħid li għandna suċċess ekonomiku li jilħaq lill-persuni limitati.”
Dr Abela aċċenna wkoll għall-importanza lil-pagi jibqgħu jiżdiedu. Huwa spjega kif f’kuntest ta’ pajjiż b’ekonomija b’saħħitha li sejjer ’il quddiem, hu inaċettabbli li jkun hawn impjiegi b’pagi baxxi ħafna.
Id-deputat Laburista kompla jispjega li l-Partit Laburista għandu viżjoni ċara li ġiet approvata mill-poplu permezz tal-manifest elettorali u hu jinsab kommess li jkompli jaħdem fuq dan sabiex niżguraw rebħa elettorali oħra.