Id-Delegazzjoni Maltija tal-S&D sejħet għal mekkaniżmu indipendenti dwar l-istat tad-dritt li jissorvelja l-Istati Membri kollha b’mod imparzjali. Tali mekkaniżmu jwassal għal valutazzjoni indipendenti minn esperti.
Meta indirizzaw l-Parlament Ewropew dwar l-Istat tad-Dritt f’Malta, il-Kap tad-Delegazzjoni Miriam Dalli u l-Ewroparlamentari Alfred Sant, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar qalu li kienet għaddejja riforma Kostituzzjonali f’Malta biex tindirizza l-kwistjonijiet imqajma mill-Kummissjoni ta’ Venezja u l-punti mqajjma fil-Country Specific Recommendations.
“Bħala delegazzjoni Maltija tal-S&D impenjati li niżguraw li r-riformi li pajjiżna beda jimplimenta jkomplu b’pass aktar mgħaġġel sabiex ma jkunx hemm dubji dwar l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet tagħna,” qalet Miriam Dalli.
Miriam Dalli ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi mekkaniżmu indipendenti għall-Istat tad-Dritt li jissorvelja l-Istati Membri kollha b’mod oġġettiv u ġust. “Huwa dak li verament għandna bżonn. Konklużjonijiet li mhumiex oġġettivi ma jgħinu lil ħadd,” insistiet Dalli.
Il-MPE Alfred Sant qal: “Is-sitwazzjoni f’Malta hija waħda ta’ transizzjoni. Dak li hemm bżonn huwa rieżami dispassjonat tas-sitwazzjoni li twassal għal riformi li jiżguraw li ma jkunx hemm ripetizzjoni ta’ l-iżbalji tal-passat. “
Sant żied jgħid li ġudizzju prematur dwar is-sitwazzjoni f’Malta mhuwiex it-triq it-tajba. “Għandu jkun hemm mod tajjeb għal din l-assemblea biex tikkunsidra l-affarijiet f’Malta – waħda li tkun applikata bl-istess mod għal stati membri oħra.”
Il-MPE Alex Agius Saliba qal li huwa kburi li huwa Malti: “Jiena kburi b’pajjiżi u żgur li mhu ser naċċetta qatt illi minħabba l-allegati azzjonijiet kriminali ta’ ftit individwi, Malta kollha tigi ittimbrata bħala stat Mafjuż.”
“Mill-ewwel ġurnata l-Gvern ra li l-Awtoritajiet tagħna jkollhom ir-riżorsi kollha biex jaħdmu u dan qed jagħti l-frott.”
Il-MPE Josianne Cutajar qalet li, bħala MPE Maltija, hi tista’ tapprezza s-severità tar-rivelazzjonijiet tal-aħħar ġimgħat.
“Aħna l-poplu Malti impenjati li naraw li l-ġustizzja ssir ma’ kull min hu involut. Nispera tassew li l-għan aħħari ta’ din ir-Riżoluzzjoni huwa li nsaħħu l-valuri Ewropej tagħna u mhux niddikjaraw pożizzjoni bil-għaġla għal skopijiet politiċi partiġġjani, meta l-investigazzjonijiet għaddejjin. Din hija riżoluzzjoni prematura biex titqies affidabbli. ”