It-Tlieta filgħodu fil-Parlament Ewropew seħħ dibattitu b’riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dibattitu li kien iddominat mill-kelliema tal-Partit Popolari Ewropew li injoraw l-iżblokk fl-investigazzjonijiet u minflok infexxew f’attakki kontra l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Min-naħa l-oħra l-membri parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista ddefendew isem Malta u nnotaw l-iżviluppi fil-każ kif ukoll ir-riformi li qiegħda tagħmel Malta biex issaħħaħ is-saltna tad-dritt.
Il-Viċi-President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Miriam Dalli saħqet kif il-ġustizzja fil-każ għandha ssir u tidher li ssir.
Spjegat kif mill-ewwel jum intalbet l-assistenza ta’ esperti barranin fosthom il-Europol, u li din wasslet għal riżultati tanġibbli.
Tkellmet dwar għadd ta’ inkjesti maġisterjali u l-ħtieġa li dawn jiġu konklużi malajr. Semmiet kif b’tibdiliet fil-liġi li neħħiet il-preskrizzjoni fuq każijiet ta’ korruzzjoni, dan se jwassal għal proċessi ġudizzjarji. Fissret kif pajjiżna qed jimplimenta r-riformi filwaqt li jwieġeb lil dawk li jipprovaw jagħmlu ħsara f’dan il-mument.
Dr Dalli sostniet: “It would be counterproductive if this Parliament rushes into pre-judgements that can also prejudice the ongoing investigations. I’m here to speak for a country that showed that it listens. That it is open to the recommendations made, that implements and yes to respond to those who find it convenient to harm Malta and its people at this hour.”
Il-membru parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba fakkar kif id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew ħmistax ilu kkonfermat is-serjetà tal-investigazzjonijiet li qegħdin jagħmlu l-pulizija. Qal li l-Pulizija mgħejjuna mill-Europol u l-FBI waslet għall-allegati qattiela u l-allegat mandant li issa qed jaffaċċjaw il-ġustizzja.
Saħaq li l-qrati qed jagħmlu xogħolhom b´libertà assoluta abbażi tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u s-saltna tad-dritt. Huwa stqarr: “Dawn huma kollha sinjali ċari li l-istituzzjonijiet tagħna qed jaħdmu u mhu qed iħarsu lejn wiċċ ħadd sabiex fl-aħħar mill-aħħar il-ġustizzja ssir u dan il-każ jkun riżolt. Nemmen li din ir-riżoluzzjoni hija waħda inġusta ferm mas-sitwazzjoni f’pajjiżna.”
L-Ewroparlametnari Josianne Cutajar qalet li hemm impenn li ssir ġustizzja. Iżda ma jkunx ġust li l-aġir ħażin ta’ individwi jintuża biex jitfa’ dell fuq pajjiżna. Qalet li tittama li l-għan hu li jissaħħu l-valuri Ewropej, u mhux li tittieħed pożizzjoni mgħaġġla għal skopijiet partiġġjani, meta l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Dr Cutajar stqarret: “Malta waqfet, fehmet u ddeċidiet. Beda proċess biex insaħħu l-istituzzjonijiet u mhux se nieqfu qabel ikollna r-riforma kostituzzjonali li hemm bżonn. Hekk qegħdin, b’mod sistematiku, inqawwu d-demokrazija f’Malta, u mhux bil-kontra.”
Min-naħa tiegħu l-Ewroparlamentari Alfred Sant fisser kif ir-riżoluzzjoni tpinġi s-sitwazzjoni f’Malta bħala waħda sewda. Spjega li l-qtil kien investigat bir-reqqa u wasal biex jissolva. Huwa fisser: “The resolution on which we shall vote tomorrow combines findings, allegations, one-sided interpretations and a statement that paints black everything Maltese. It also blacks out the economic, social and cultural progress acheived in the past years which is not fair.”
Dr Sant saħaq fuq il-bżonn ta’ analiżi oġġettiva tas-sitwazzjoni li twassal għal riforma li tara li ma jiġux repetuti żblaji tal-passat.
Intant l-ipokresija ta’ sħab David Casa u Roberta Metsola fid-dibattitu inkixfet mill-ewroparlamentari Grieg Stelios Kouloglou, li elenka kif il-membri tal-Partit Popolari Ewropew, filwaqt entużjasti għal dan id-dibattitu, naqsu milli juru l-istess entużjażmu f’dibattiti dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżi oħra fosthom fl-Ungerija.
Koulogu stqarr: “But I hope colleagues that you will display the same straight courage and you will be as adamant as that when we will speak about Mr. Orban and the violations of the rule of law not only about Malta.”