“Il-Prim Ministru dejjem qalilna – sabiex nieħdu l-azzjonijiet kollha li ridu aħna u li hemm bzonn, u make sure li l-Europol dejjem ikunu involuti.”
Iddikjara dan l-Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji l-Ispettur Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Arnaud xehed f’każ kostituzzjonali li fetaħ kontrih in-negozjant Yorgen Fenech, li għamel allegazzjonijiet dwar l-ispettur Arnaud għax ma jridux jinvestiga l-każ.
Quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff , l-ispettur Arnaud qal li l-Prim Ministru dejjem qalilhom sabiex jinvolvu lil Europol fl-investigazzjonijiet u sabiex jieħdu l-azzjonijiet kollha li hemm bżonn.
Arnaud kien qed jiġi mistoqsi mill-avukati Marion Camilleri, mill-uffiċju ta’ Franco Debono, u minn Gianluca Caruana Curran mill-uffiċċju tal-familja De Marco dwar l-allegazzjoni li kien qiegħed jgħaddi informazzjoni lil Keith Schembri.
L-Ispettur qal li f’Novembru 2017 l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta qalu sabiex jattendi miegħu u jagħtu briefing dwar l-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Arnaud qal li dik kienet l-ewwel darba tiegħu li daħal Kastillja u ltaqa’ mal-Prim Ministru u mal-eks Chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Wara din il-laqgħa saret laqgħa li fiha ssemmew xi dati f’Diċembru ta’ meta ser isiru l-arresti tal-aħwa Alfred u George Degiorgio, u Vince Muscat.
Iżda d-deċiżjoni li l-arresti jsiru fl-4 ta’ Diċembru, ittieħdet mill-MSS fl-laqgħa li kellhom, bil-ġurnata kienu jafuha biss uffiċjali tal-pulizija, tal-Armata u tal-MSS.
Meta mistoqsi dwar il-komunikazzjoni tiegħu ma’ Keith Schembri, Arnaud qal li meta l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta ġie ordnat mill-Qorti sabiex iwarrab mill-każ, beda jitkellem ma Keith hu sabiex jiskeda laqgħat ta’ aġġornament mal-Prim Ministru. Qal li l-aħħar li kellem lil Schembri kien bejn l-aħħar ta’ Ottubru u l-bidu ta’ Novembru ta’ din is-sena sabiex jiskeda laqgħa oħra.
L-Ispettur Arnaud qal li huwa jħossu xxukkjat meta jkun jaf li kien hemm dawn il-leaks kollha. Qal li sal-14 ta’ Novembru huwa ma kienx jaf li Melvin Theuma u Yorgen Fenech kienu konxji li l-pulizija qiegħda warajhom u se jiġu arrestati.
Qal ukoll li f’telefonati bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech gieli anki hu issemma. Kienu jgħidu Dak ghandu lil Valletta u Keith għax imorru biex ikellmu ix-xiħ.
B’Arnaud qal li ħajtu kienet fil-periklu għax kienu jafu b’dak kollu li qed jagħmel.
“Jien f’moħħi kelli li Melvin ma jafx li qegħdin warajh. Jien f’moħħi kelli li Yorgen ma jafx li qegħdin warajh” qal l-investigatur ewlieni fil-qtil ta’ Caruana Galizia li irrakonta kif b’dawn il-leaks kollha ħajtu kienet fil-periklu.
“Jien l-iktar wieħed iddispjaċjut ghax kien hemm saħħti u ħajti fin-nofs. B’dawk il-leaks kollha, jien kont fil-periklu. Jien kont l-ewwel wieħed li dħalt fit-tinda tal-patata dakinhar li ġew arrestati l-Fulu, l-Koħħu u ċ-Ċiniż, dawn setgħu qatluni kieku kienu jaf bija” xehed l-Ispettur Arnaud.
L-ispettur Keith Arnaud qal li darba f’verzjoni li ta Yorgen Fenech waqt l-arrest qal, li dak qal lil pulizija fl-ewwel darbtejn, ġiegħlu Keith Schembri jgħid hekk għax wegħdu l-proklama.
Qal li lill-pulizija tagħhom żewġ settijiet ta’ karti. Huwa allega li dawn il-karti ġew mingħand it-tabib Adrian Vella.
B’Arnaud bgħat lill-pulizija jsibu lit-tabib Vella li dam siegħa biex fetħilhom tant li kienu se jifqgħu l-bieb ġewwa.
It-tabib Vella meta ġie depot ikkonferma li l-ittra li ta lil Fenech kien tahielu Keith Schembri u ġabarhom mid-dar tiegħu.
B’din id-dikjarazzjoni, Keith Arnaud mingħajr ma ħareġ mandat ta’ arrest mar hu stess jarressta lil Keith Schembri. Saru tfittxijiet fid-dar ta’ Keith Schembri u ttieħed laptop. Saru wkoll tfittxijiet fuq il-mara u tfal tieghu. Il-pulizija għamlu wkoll tfittxija fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri f’Kastillja.
Qal li l-investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Keith Schembri għadhom għaddejjin anki bl-għajnuna tal-Eurpol.
L-Ispettur Keith Arnaud qal li f’Ottubru sar jaf b’leak fil-gazzetti u li kienu se joħorgu l-isem ta’ Melvin u Yorgen. Iżda rnexxielu jwaqqaf lil gazzetta milli tippublikka din l-istorja għax kienet se tippreġudika l-każ.
Intant, fil-każ tal-lum kellu jixhed Keith Schembri iżda ma ġiex notifikat li jrid jitla’ jixhed. Bl-Imħallef Mintoff ħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Keith Schembri.
Bi Schembri ġie l-Qorti ftit tal-ħin wara. Iżda xħin wasal l-Imħallef Mintoff iddeċieda li l-kawża diġà differita għall-Erbgħa.