L-Awotrità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) nediet l-ewwel set ta’ Standards Soċjali Regolatorji għal Servizz ta’ ‘Outreach’ u Servizzi Oħra Bbażati fil-Komunità, kif ukoll standards li għandhom jservu ta’ gwida f’dawk is-servizzi li jaħdmu ma’ persuni bi problema ta’ vizzji.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu, fejn spjega li dawn l-istandards issa qed jitpoġġew għall-konsultazzjoni pubblika.
Din għandha tkun ibbażata fuq dawn il-prinċipji bażiċi; dinjità, privatezza, dritt għall-għażla, sigurtà, twettiq tal-potenzjal, ugwaljanza, individwalità u diversità.
Madanakollu, dawn il-prinċipji għandhom jiġu mħarsa f’konformità mar-regoli, l-filosofija terapewtika tas-servizz, u l-bżonnijiet ta’ ħarsien ta’ kull individwu.
Il-Ministru Michael Falzon qal li l-Awtorità ser tkun qed tħares u tirregola li dawn is-servizzi qed jingħataw bl-aħjar standards sabiex jogħla l-livell ta’ servizz ta’ kwalità offrut lill-individwi li qed jirċievu servizz.
L-iStandards Soċjali Regolatorji għal Servizzi ta’ ‘Outreach’ u Servizzi Oħra Bbażati fil-Komunità għandhom sitt Standards li jinkludu:
- Standard 1: Interventi ta’ Sapport Personalizzati;
- Standard 2: Drittijiet u Tisħiħ tal-Membri fil-Komunità;
- Standard 3: Saħħa u Sigurtà;
- Standard 4: Immaniġġjar tad-Data u t-Tqassim tal-Informazzjoni;
- Standard 5: Kollaborazzjoni ma’ Entitajiet Varji u Relazzjonijiet Esterni;
- Standard 6: Immaniġġjar ta’ Kwalità.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Matthew Vella stqarr li għall-ewwel darba ġie mniedi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għal sett ta’ standards li jitkellmu dwar servizzi fil-komunità. “Hawn hemm bżonn li nitkellmu aktar mal-komunitajiet. Għall-ewwel darba, lill-professjonist li jaħdmu fl-oqsma tal-alkoħol, droga u vizzji oħra qed nagħtuhom linji gwida ta’ kif joperaw. Ħsibna wkoll għal min qed jirċievi servizz, billi ħloqna dokument dwar x’wieħed għandu jistenna mis-servizz li qed jirċievi,” qal Matthew Vella.
“Tajjeb li ngħidu li din is-sena l-Awtorità ħadmet bis-sħiħ, bid-djalogu u kollaborazzjoni, biex wasalna li nilħqu dawn il-miri sabiex ikollna servizzi ta’ ħarsien soċjali li jħallu impatt sinifikanti fuq il-ħajja tan-nies vulnerabbli,” temm jgħid is-Sur Vella.