Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis vara l-attivitajiet ta’ ‘Let’s Dance’ f’Dar San Ġużepp il-Fgura, attivitajiet li qed isiru f’24 dar residenzjali għall-anzjani u 26 ċentru ta’ matul il-jum. Dawn huma attivitajiet fejn permezz ta’ diversi artisti, bħal kantanti, atturi komiċi, u żfin, l-anzjani jingħataw l-allegrija li sservi ta’ ġid kbir għas-saħħa mentali tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis spjega li din hija t-tieni sena konsekuttiva li qed isiru dawn l-attivitajiet fit-tmien djar residenzjali tal-gvern u f’sittax-il dar residenzjali oħra fejn il-gvern jixtri s-sodod. ‘Let’s Dance’ tagħmel parti mill-proġett ‘Making Homes Fun’ bl-intenzjoni li kull dar residenzjali jkollha mhux biss servizz ta’ kura eċċellenti kif jixraq għall-anzjani, bħal ikel, kura għas-saħħa u iġene, iżda wkoll attivitajiet li jtuhom il-ferħ li jixirqilhom.
Din is-sena il-proġett ‘Let’s Dance’ hu mmexxi mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-komunità taħt id-direzzjoni ta’ Dr Renzo De Gabriele u kkoordinat minn Janet Pace.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li x-xogħol tal-gvern se jibqa’ għaddej b’aktar intensità bil-mira tkun li l-anzjani jinżammu mhux biss f’saħħithom fiżikament iżda anki mentalment. Spjega li dawn l-attivitajiet isiru għaliex il-gvern irid jieħu ħsieb lill-anzjani fl-aspett ħolisitiku tagħhom. Huwa fakkar kif għall-baġit il-gvern qed jinvesti €171 miljun, u dan għax l-anzjani jixirqilhom li jkollhom servizzi tal-ogħla kwalità.