Il-Ministru għal Għawdex kellha laqgħa ta’ korteżija mas-sindku ta’ Betlehem Vera Baboun. Is-Sinjura Baboun kienet qed tagħmel żjara fil-gżejjer Maltin.
Is-Sinjura Baboun hija l-ewwel rappreżentanta mara tal-Belt ta’ Betlehem fil-Palestina.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru għal Għawdex spjegat ir-rabta speċjali t’Għawdex ma’ Betlehem, anke grazzi għall-ħolqien ta’ Betlehem f’Għajnsielem. Is-Sinjura Baboun faħħret l-inizjattivi li bihom il-Ministeru għal Għawdex jiċċelebra l-festivitajiet tal-Milied.
Sar aċċenn ukoll għar-relazzjonijiet tajbin ħafna bejn Malta u l-Palestina, kif ukoll is-sitwazzjoni preżenti tal-Palestina.
Il-Ministru Caruana faħħret l-impenn u l-ħidma fuq skala politika kif ukoll fuq skala diplomatika tas-Sinjura Baboun, u rrimarkat kif hija stess, bħala politiku mara, tapprezza meta tara nisa oħra fil-qasam soċjo-politiku jmexxu l-aġenda tagħhom għal ġid komuni. Il-Ministru Caruana stiednet lis-Sindku Baboun sabiex tattendi għall-attivitajiet tal-programm mimli ta’ Milied f’Għawdex waqt iż-żjara tagħha, kif ukoll ippreżentat il-ktieb Gozo: The Beauty, History, Culture of an Island bħala kommemorazzjoni ta’ din il-laqgħa.
Minn naħa tagħha, is-sindku Baboun, li hija professur Universitarju bi professjoni, qalet kif il-Milied hawn Malta jieħu xgħira differenti, u għalkemm huwa marbut ħafna mat-tradizzjonijiet li wieħed jistenna, stqarret li wieħed iħoss li l-Milied f’pajjiżna huwa wieħed uniku minħabba s-sens ta’ għaqda u solidarjetà li tintwera’ mill-poplu Malti. Hija qalet li, għalkemm din kienet l-ewwel żjara tagħha f’Għawdex, tħares ’il quddiem sabiex fil-futur qrib ikollha aktar opportunitajiet biex iżżur Għawdex u jissaħħu r-relazzjonijiet mal-belt ta’ Betlehem.