Fit-12 ta’ Diċembru 2019, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Malta Carmelo Abela bagħat messaġġ waqt round table li nżammet f’Moska fil-kwartieri Ġenerali tal-Fondazzjoni Gorbachev. Il-messaġġ, li nqara mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Federazzjoni Russa Pierre Clive Agius, ingħata fil-preżenza tar-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi u l-aħħar President tal-Unjoni Sovjetika Michael Gorbachev.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Abela fakkar kif il-laqgħa tal-1989 bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika f’Malta wasslet għat-tmiem tal-Gwerra Bierda, li kienet simbolikament ġiet midfuna fit-tempesta marittima kbira li ħakmet lil Malta. Il-Ministru Abela eloġia liż-żewġ Presidenti tal-USSR Gorbachev u l-mibki President tal-Istati Uniti George Bush, li huwa ddeskriva bħala ġganti politiċi u rġiel ta’ rieda tajba.
Il-Ministru Abela żied jgħid li l-komunità internazzjonali bħalissa qed tiffaċċja sfidi importanti li jvarjaw mill-populiżmu sal-intolleranza, u mill-qerda tal-faqar għat-tibdil fil-klima.
Il-Ministru Abela temm il-messaġġ tiegħu billi ddikjara r-responsabbiltà tal-ġenerazzjoni ta’ politiċi attwali biex jiżguraw li l-Gwerra Bierda tibqa’ rilevanti biss fil-kotba tal-istorja.