B’reazzjoni għad-diskors tal-Kap Nazzjonalista f’Birkirkara l-Avukat Ġenerali qal li l-livell ta’ ostilità ta’ dan id-diskors hu għal kollox barra minn loku f’dibattitu ċivilizzat u dan wisq iżjed meta jirreferi għall-mertu ta’ kawża pendenti.
L-Avukat Ġenerali qal dan fi stqarrija b’referenza għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni meta ddeskriva lill-Avukat Ġenerali bħala kompliċi ma’ grupp kriminali li seraq il-kontroll tal-pajjiż.
L-Avukat Ġenerali fisser kif dak li qal Delia jidher li sar b’referenza għal kawża pendenti li hi aġġornata għas-sentenza għal għada u li hi dwar it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jingħata kopja tar-rapport kollu tal-inkjesta maġisterjali dwar Egrant, liema talba ġiet miċħuda quddiem il-Qorti tal-ewwel istanza.
L-Avukat Ġenerali innota li l-kawża tinsab quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u hi dwar id-deċiżjoni li filwaqt li jippubblika l-konklużjonijiet ewlenin tal-inkjesta ‘Egrant’, ma jippubblikax ir-rapport tal-inkjesta fl-intier tiegħu.
L-istqarrija temmet tinnota li l-Kap tal-Oppożizzjoni jqis li hu xieraq li jiddiskuti każijiet li huma pendenti quddiem il-Qorti fi stqarrijiet u f’laqgħat pubbliċi u f’dan il-każ li jivvilifika lill-parti l-oħra fil-kawża bħala kriminali.