Fl-Ingilterra, il-Gvern Ingliż immexxi minn Boris Johnson se jkun qed jgħaddi l-vot dwar Brexit qabel il-Milied, jiġifieri sa 10 t’ijiem oħra.
Il-Ministru fi ħdan il-kabinet, Michael Gove qal lil midja Ingliża li l-Gvern ġdid ta’ Johnson se jkun qed jgħaddi l-vot dwar Brexit fil-Parlament Ingliż kemm jista’ jkun malajr. Dan sabiex l-Ingilterra toħroġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar li ġej.
Id-Deputat Ministru tal-Finanzi, Rishi Sunak qal li l-Gvern għandu l-intenzjoni li jgħaddi dan il-vot qabel il-Milied, sabiex fis-sena l-ġdida, il-Gvern ikun jista’ jiffoka fuq prijoritajiet oħra.
Il-Partit Konservattiv, immexxi minn Johnson rebaħ l-elezzjoni ġenerali bikrija tal-Ħamis li għadda sabiex ikun jista’ jingħalaq il-kapitlu ta’ Brexit.
Il-Ministru Gove qal kif il-Gvern se jkompli jinnegozja mal-Unjoni Ewropea anke wara l-aħħar ta’ Jannar sabiex ikun jista’ jikkonkludi l-qafas ġdid, hekk kif ir-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni u kummerċ ħieles mal-Unjoni Ewropea se jintemm sal-aħħar tal-2020.