Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne nieda uffiċjalment il-kampanja tiegħu għat-tmexxija tal-Partit Laburista fejn f’għaxar punti huwa spjega il-viżjoni tiegħu. Chris Fearne stqarr kif jekk jingħata l-mandat se jkun qed isejjaħ konferenza dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna li fiha rappreżentanti tal-Gvern, l-oppożizzjoni, l-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili jiddiskutu l-bidliet li hemm bżonn isiru.
Spjega wkoll kif permezz tal-mudell ekonomiku b’saħħtu li għandu dan il-Gvern ser ikompli jiġi xprunat is-suċċess b’iktar trasparenza u meritokrazija. Tkellem ukoll dwar l-importanza li l-ambjent ikun fil-qalba tal-ħidma tal-Gvern filwaqt li jkomplu jiżdiedu l-ispazji rurali. Qal kif pajjiżna jrid jieħu pożizzjoni iżjed soda fuq l-immigrazzjoni illegali. Spjega kif il-viżjoni tiegħu tinkludi wkoll soluzzjonijiet għall-problema ta’ housing f’pajjiżna, mezz ta’ trasport tal-massa affidabbli.
Stqarr li tul il-kampanja se jkompli jispjega dak li hi bbażata fuqha l-viżjoni tiegħu. Dr Fearne sostna: “Bħalma hija r-ruħ soċjali tagħna, fejn inkomplu naqtgħu l-faqar u ngħollu l-fuq lill-ħaddiema tagħna. Bħal ma hija l-kwalitá tal-ħajja tagħna, biex inkomplu ngħixu ħajja aħjar, iżjed b’saħħitha, bl-edukazzjoni għal kulħadd, kif ukoll bħal ma huwa postna fl-Ewropa u wkoll t-tisħiħ tal-Partit Laburista. Fil-ġranet li ġejjin dawn l-għaxar punti inkunu nistgħu nkomplu nespandu fuqhom biex nispjegaw il-viżjoni tiegħi, viżjoni tiegħi jekk ninħatar bħala mexxej mill-Partit Laburista u allura anke l-viżjoni tiegħi bħala Prim Ministru futur.”