Ħamsa u erbgħin sena ilu, Sir Anthony Mamo sar l-ewwel President ta’ Malta Repubblika, li b’inizjattivi varji ġġieldet il-kurrenti ta’ dawk iż-żminijiet u b’mod mill-aktar ambizzjuż, saret Repubblika Parlamentari.
Għal snin twal Malta kienet ġawhra kolonjali tal-Imperu Rjali, iżda fl-elf disa’ mija erbgħa u sebgħin tfasslet l-ewwel kostituzzjoni mill-Maltin għall-Maltin.
Id-Dekan tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u l-istoriku Dominic Fenech spjega li b’hekk Malta kienet aktar avvanzata minn pajjiżi oħra f’dan l-aspett.
Aktar kienu inizjattivi ahead of their times. Il-politika barranija mfassla fuq il-Mediterran, Malta kienet kważi wahedha qed taghmilha u wara bdew jitkellmu u jahsbu fuqha. Kien perjodu fejn Malta kienet għaddejja minn tibdil u mewga ta’ modernizzazzjoni.
Hawnhekk spjega element kruċjali tal-kostituzzjoni tal-1974.
L-iktar elementi importanti huma li komplew jaqtgħu l-aħħar rabtiet mal-ġrajja kolonjali tagħna għaliex meta sirna indipendenti, xorta r-reġina baqgħet ir-reġina ta’ Malta, Queen Elizabeth of Malta.
Fl-istess ħin kienet kostituzzjoni li ħasbet fil-ħaddiem u fiż-żgħir, billi fost l-oħrajn saħħet id-drittijiet umani u kkonsolidat il-karattru sekulari ta’ Malta.
L-ewwel kostituzzjoni mill-Maltin għall-Maltin mhux biss bdiet tissepara l-poteri, iżda bdiet ukoll tisħaq l-importanza ta’ aspett pjuttost ġdid għal Malta ta’ dak iż-żmien- l-għaqda Nazzjonali.
Hemm simbolu ta’ għaqda Nazzjonali li ma ssibux f’avvenimeti oħra. Fl-Indipendenza u l-Ħelsien ma kienx hemm għaqda Nazzjonali. Veru li nirrikonoxxuhom bħala festi Nazzjonali imma fiż-żmien li saru ma kienx hemm għaqda Nazzjonali.
L-istoriku temm jgħid li fid-dinja tal-lum, Jum ir-Repubblika għandu jitqies bħala pedament, u qal li bla dubju li wieħed irid jagħrbel sew l-istorja ta’ pajjiżu biex jaħseb għall-futur.