Mill-2016 sa Novembru ta’ din is-sena, il-professjonisti fl-Emerġenza tat-Tfal raw kważi 80,000 tifel u tifla.
Ċifri li kiseb ONE News fix-xahar li jimmarka erba’ snin mill-ftuħ ta’ dan id-Dipartiment, juru kif in-numri ta’ każijiet żdiedu minn sena għal oħra.
Filwaqt li fl-2016 kien hemm ftit aktar minn 18,000 tifel u tifla li daħlu l-Emerġenza tat-Tfal, is-sena l-oħra dawn telgħu għal aktar minn 20,800 u din is-sena l-ammont mistenni jaqbeż il-21,000.
Il-pazjenti żdiedu għax anki s-servizzi żdiedu.
Fil-fatt id-Deputy Charge Nurse Marie Antoinette Debono, spjegat li l-bżonn għal Emerġenza tat-Tfal kien ilu jinħass, u fl-aħħar snin sar ħafna ġid, speċjalment mal-ġenituri li għandhom ambjent aktar kulurit, kalm u seren biex jifhmu kif l-aħjar jieħdu ħsieb lil uliedhom.
Marie Antoinette spjegat ma’ crew ta’ ONE News: “Fiż-żmien tat-2015 konna naraw pazjenti li jirrigwardjaw biss mediċina. 2016 ftaħna aktar servizzi fejn bdejna naraw pazjenti li għandhom x’jaqsmu ma’ surgery u ortopedija u daħħalna wkoll il-CAPES li jirrigwardja s-saħħa mentali.”
Marie Antoinette ilha 16-il sena taħdem l-Emerġenza, u bdiet fl-Emerġenza tat-tfal mindu fetħet.F’dawn is-snin kollha ta’ esperjenza, illum titkellem bi tbissimha dwar każ li missilha qalbha aktar minn oħrajn.
Hija spjegat “Kelli każ fejn kelli tifla ta’ sentejn li kienet involuta f’accident u aħna ħsibna li dit-tifla ħa tħallina. Nirringrazzja ’l Mulej, dit-tifla wara li sarilha dak kollu neċessarju, ġiet admitted, żammewha l-ITU u ħadt pjaċir li l-parents reġgħu żaruna wara li dit-tifla bagħtuha lura d-dar u dik hija ferħa li inti tgħid, ejja at least ix-xogħol li sar anki l-ġenituri apprezzawh u t-tifla taraha differenti, taraha aħjar.”
Marie Antoinette spjegat li bħal fl-Emerġenza tal-kbar, jaħdmu b’sistema skont l-urġenza tal-każ.
Qalet li kull pazjent jieħu ħin differenti, u appellat għall-koperazzjoni:“Ko-operazzjoni. Kulħadd irid jipprova jifhem, kulħadd jara tiegħu wkoll, it-tifel tiegħi agħar minn tiegħek. Inti ma tkunx taf x’għandu l-pazjent l-ieħor. Aħna nippruvaw nimxu mal-guidelines u l-protokolli li għandna bħala Emerġenza tat-Tfal.”