Jean Claude Micallef ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-elezzjoni każwali li saret fuq it-tielet distrett elettorali.
Din l-elezzjoni każwali saret sabiex jimtela’ s-siġġu li tbattal minn Helena Dalli li fil-bidu ta’ Diċembru li għadda bdiet isservi bħala Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida.
Is-Sur Micallef kiseb total ta’ 1,887 vot, 114-il vot aktar mis-Sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja li qabel ma beda t-tieni u l-aħħar għadd tal-voti kien fuq quddiem nett għas-siġġu parlamentari. Fil-fatt Micallef u Calleja kienu ras imb ras tul l-għadd tal-voti.
L-elezzjoni każwali saret fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar u damet għaddejja madwar erba’ sigħat u nofs sakemm sar magħruf uffiċjalment li Micallef ġie elett f’din l-elezzjoni.
F’kummenti li ta lil ONE News ftit tal-minuti wara li ntemm l-għadd tal-voti, Micallef esprima s-sodisfazzjon tiegħu u tenna li fil-Parlament ħa jkompli jaħdem favur l-għaqda Nazzjonali.
Fl-ewwel kummenti tiegħu s-Sur Micallef stqarr: “Inħares ‘l quddiem lejn mentalità aktar inklussiva, lejn Parlament li jkun qiegħed jaħdem għat-tieni Repubblika, u fuq livell distrettwali kuntent għax storikament jien l-ewwel Xlukkajr, Deputat fil-Gvern elett mix-Xlukkajri.”
Din l-elezzjoni każwali kienet ikkontesta wkoll minn żewġ kandidati oħra, Edric Micallef u Sebastian Muscat.
Fi stqarrija l-Partit Laburista awgura lil Micallef li issa huwa parti minn grupp parlamentari b’saħħtu u magħqud li qiegħed jimplimenta l-manifest elettorali magħżul mill-poplu fl-elezzjoni tal-2017.
Il-Partit Laburista ħa din l-okkażjoni wkoll sabiex radd ħajr lil Helena Dalli għall-kontribut kbir li tat lill-Partit Laburista u l-politika Maltija tul is-snin.